L-attakkant ta’ Starlites Joseph Tagarelli rebaħ il-BOV Plejer tax-Xahar tal-Ewwel Diviżjoni għal Novembru. L-Amerikan qed jilgħab fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna u ġibed l-attenzjoni hekk kif ix-xahar li għadda skorja 95 punt li waslu bi 32 basket, 19-il free-throw u erba’ three-pointers. Tagarelli li hu twil sitt piedi u ħames pulizeri, kien ta’ theddida kontinwa għall-avversarji u sar fuqu 21 fawl f’erba’ logħbiet.
Patricia Arguello ta’ Starlites ukoll, rebħet il-BOV Plejer tax-Xahar tan-nisa. Hi kienet fil-quċċata tal-lista ta’ three-pointers f’Novembru meta għemlet 12 mill-31 tentattiv tagħha u li servew biex tellgħet it-total ta’ 65 punt matul ix-xahar. Arguello kellha medja ta’ kważi 12-il rebound u 3.38 steals f’kull logħba f’dan l-istaġun.
Nathan Xuereb ta’ Gżira Athleta rebaħ l-unur tal-BOV Plejer tax-Xahar mill-Kampjonat tad-Dilettanti. Xuereb li għadu se jagħlaq 17-il sena, kien wieħed mill-aktar plejers li spikka u lagħab medja ta’ ftit aktar minn 35 minuta f’kull logħba. Hu skorja 70 punt matul Novembru u sofra 17-il fawl f’erba’ logħbiet.
L-Uffiċjal tar-Relazzjonijiet mal-Komunità tal-BOV Stefan Abela ppreżenta plakka kommemorattiva lir-rebbieħa.
//= $special ?>