Lokali Unjoni Ewropea

Li m’aħniex qed ngħixu f’pajjiż normali issa tikkonfermah ukoll il-Kummissjoni Venezja – Adrian Delia

Il-PN jingħata raġun mill-Kummissjoni Venezja b'kundanna ċara fuq il-Gvern

Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja huwa kundanna ċara fuq il-Gvern ta’ Joseph Muscat minn istituzzjoni internazzjonali oħra. Il-Gvern iżda għal darb’oħra qiegħed jipprova jdawwar din il-kundanna f’ċertifikat ta’ best practice, meta l-Kummissjoni Venezja hija ċarissima fuq il-mod kif il-Gvern qed jaħtaf il-poter minn idejn l-istituzzjonijiet. Issa l-Prim Ministru jrid jibda jwettaq r-riformi u jneħħi l-poteri li minnhom abbuża fuq l-awtonomija tal-istituzzjonijiet, li r-rwol tagħhom huwa li jiddefendu lill-poplu. Dan wara li r-rapport tal-Kummissjoni Venezja kkonkluda li jeħtieġ ferm aktar checks and balances fil-Gvern.

Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li hija magħmula minn esperti legali tal-Kunsill tal-Ewropa, juru fejn huma x-xquq li minnhom qed jabbuża l-Gvern Laburista bil-ħatriet li qed jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan meta f’karigi sensittivi jintgħażlu persuni li kienu jimmilitaw jew li huma qrib tal-Partit Laburista, u jispiċċaw jitwarrbu persuni li jkunu fit for purpose. Għalhekk jeħtieġ li nagħmlu eżami tal-istituzzjonijiet tagħna sabiex verament insaħħu d-demokrazija u r-reputazzjoni ta’ Malta.

Hekk sostna l-Kap tal-PN Adrian Delia fi stqarrija maħruġa t-Tnejn filgħaxija.

Il-konklużjonjiet tal-Kummissjoni Venezja huma ċari, u simili għal dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, li l-Prim Ministru qed jaħtaf il-poter mill-istituzzjonijiet, jikkontrollahom u jxekkel l-awtonomija tagħhom, b’detriment għas-saltna tad-dritt. Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-Prim Ministru huwa ċ-ċentru tal-poter u li l-President, il-Parlament, il-Kabinett tal-Ministru, il-Ġudikatura u l-Ombudsman huma dgħajfin quddiem il-poteri tal-Prim Ministru, u m’humiex fl-aħjar pożizzjoni biex iwettqu l-kontrolli meħtieġa f’demokrazija li tiffunzjona.

Il-Kummissjoni Venezja tikkonkludi ukoll li l-Avukat Ġenerali qed jilbes wisq kpiepel meta huwa konsulent tal-Gvern kif ukoll prosekutur.

Adrian Delia insista illi jekk verament Joseph Muscat għandu għal qalbu l-ħarsien tas-saltna tad-dritt u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna għandu jwettaq minnufih dak li qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni Venezja, jiġifieri:

ħatriet tal-Imħallfin u tal-Maġistrati b’metodu li jkun tassew indipendenti u mhux mill-Prim Ministru;
li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jitneħħewlu r-rwoli doppji li għandu u jitwaqqaf Uffiċċju ta’ Prosekutur Ġenerali;

li l-President ma jibqax jagħmel kollox fuq parir tal-Prim Ministru imma jingħata r-rwol propju tiegħu, jiġifieri li jara li l-Gvern ikun kontrollat meta jabbuża;

li jissaħħaħ ir-rwol tad-Deputati Parlamentari u li d-Deputati tan-naħa tal-Gvern ma jkunux mixtrijin b’ħatriet pubbliċi;

li l-Prim Ministru ma jibqax jaħtar lil kulħadd hu u li jkun hemm kontroll speċjali fuq il-positions of trust.

Kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li waqqfu l-istituzzjonijiet f’Malta u saħħew il-ħidma demokratika tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista huwa kburi li waqqaf dawn l-istituzzjonijiet, li sfortunatament fil-preżent jinsabu maħkuma mill-Gvern u mhux qed jitħallew jiffunzjonaw. Aktar minn qatt qabel qed tinħass il-ħtieġa li jkun hawn bidla fil-ħidma tal-istituzzjonijiet sabiex titħares it-trasparenza u tissaħħaħ il-meritokrazija u l-mekkaniżmu kontra l- korruzzjoni.