“Għannquh tal-aħħar għax jaf ma terġawx tarawh.”
Kien dan kliem it-tobba u l-infermiera lill-ġenituri ta’ Lyden Lee Pace, tifel li llum għandu ħdax-il sena u li mit-twelid kellu tliet problemi tas-saħħa.
S’issa, it-tifel għadda minn 12-il operazzjoni differenti. Net News iltaqa’ ma’ Joseanne Pace Dalli, omm Lyden Lee li spjegatilna dwar il-problemi ta’ saħħa li binha għaddej minnhom.
Tifel li minkejja n-numru ta’ operazzjonijiet li għadda minnhom minn età daqstant żgħira, għandu kuraġġ kbir u dejjem bi tbissima fuq wiċċu.
Lill-ġenituri tiegħu jgħidilhom li għall-Milied ma jridx rigal ħlief li “il-bambin jgħinu biex jitkellem ċar” … madanakollu hu qalilhom li “jekk hemm xi ħadd iżjed marid minnu, ifejjaq lilu l-ewwel.”
Joseanne sostniet li l-familja qed tgħaddi minn tbatija kbira iżda ssostni li l-aqwa li l-familja tkun waħda mgħaquda biex flimkien ikunu jistgħu jiġġieldu d-diffikultajiet li jsibu quddiemhom.
Fl-aħħar, Joseanne għaddiet messagġ lil dawk li qed jisimgħuha.
Joseanne tgħid li kieku l-Istrina mhix hemm, ċertu operazzjonijiet barra minn Malta ma jistgħux isiru minħabba l-ispejjeż li jġibu magħhom.
L-Istrina qed ittaffi ftit mit-tbatija li dawn il-familji jkunu għaddejjin minnhom iżda biex isir dan hemm spejjeż enormi u b’hekk l-appell hu biex l-għada tal-Milied, il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jkun ġeneruż biex jgħati tama lil Lyden Lee u mijiet ta’ persuni oħra bħalu.
//= $special ?>
