L-MEP David Casa mexxa l-ħames rawnd ta’ negozjati bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fuq direttiva li se żżid b’mod drastiku d-drittijiet tal-ġenituri u carers Maltin.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal: “Din il-liġi se tintroduċi minimu ta’ 10 t’ijiem leave għall-missirijiet fil-perjodu tat-twelid tat-tarbija, u d-dritt għal leave mħallas għal kull ġenitur fl-ewwel snin tal-ħajja tat-tarbija.” Il-liġi proposta għandha l-għan ukoll li tintroduċi drittijiet għall-ġenituri u l-carers li jitolbu għal flessibilità fl-arranġamenti tax-xogħol, u biex impjegati li jkunu qed jieħdu ħsieb qraba morda jkunu jistgħu jużaw il-leave għal dan il-għan, filwaqt li jkunu salvagwardati d-drittijiet ta’ min jimpjega.
David Casa qal: “Jekk in-negozjati jkunu ta’ suċċess, Malta se tkun waħda mill-istati membri li se tara fost l-akbar żieda fid-drittijiet tal-ġenituri u l-carers. Il-leave tal-carers se jkun dritt kompletament ġdid. Il-leave tal-ġenituri jeżisti iżda m’huwiex imħallas. Dan għandu jinbidel u l-leave għal kull ġenitur għandu jkun imħallas, u b’hekk jintuża aktar. Il-leave tal-missirijiet f’Malta, li hu mħallas, jvarja minn ġurnata waħda fis-settur privat għal 5 t’ijiem fis-settur pubbliku. Permezz ta’ din id-direttiva, nittamaw li nżidu l-allokazzjoni minima għal 10 t’ijiem ta’ leave mħallas fil-perjodu li titwieled it-tarbija.”
Id-direttiva għandha l-għan li tħeġġeġ qsim aħjar fir-responsabbiltajiet bejn l-irġiel u n-nisa, bil-għan li tindirizza d-differenza fil-ħlas bejn is-sessi. “Tradizzjonalment, ir-responsabbiltajiet jaqgħu aktar fuq in-nisa fil-familji. Din id-direttiva tippermetti u tħeġġeġ biex dawn ir-responsabbiltajiet jitqassmu aħjar, u għandu jkollha rwol biex il-ħaddiema jilħqu aktar il-potenzjal tagħhom, filwaqt li jeżisti ambjent ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Qgħadna attenti wkoll għat-tħassib ta’ min iħaddem, b’mod partikolari l-SMEs. Hu kruċjali li n-negozji ma jkunux affettwati b’din id-direttiva. Għalhekk qed naħdem biex nassigura li d-direttiva toħloq bilanċ, u jkun hemm is-salvagwardji neċessarji.”
L-MEP David Casa hu l-Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u hu wkoll ir-rapporter ewlieni tal-Parlament Ewropew fuq id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol. “Jien kawt imma ottimist li n-negozjati jistgħu jiġu fi tmiemhom fil-ġimgħat li ġejjin,” temm jgħid Casa.
//= $special ?>