Fil-Qorti beda jinstema’ każ partikolari ħafna illi fih raġel qed ikun mixli li mar jixri minn ħanut tal-merċa f’Santa Venera u offra lil sid il-ħanut biex ikollu x’jaqsam ma’ martu sabiex iħallas xirja ta’ €6. Dan għaliex insista li ma kellux flus biex iħallas dik ix-xirja.
Ir-raġel akkużat bil-każ tat-8 ta’ Diċmebru li għadda jismu Themistocles Attard ta’ 46 sena. Hu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, fejn ħareġ illi Attard mar jixtri mill-ħanut tal-merċa flimkien ma’ mara li qal li kienet martu.
Il-kont kien ta’ madwar €6, iżda ir-raġel qal li ma kellux biżżejjed flus fuqu u għalhekk offra lil din il-mara għas-sess bħala ħlas.
Sid il-ħanut irrifjuta, iżda ftit wara l-akkużat reġa’ tfaċċa fil-ħanut ma’ mara oħra, li qal kienet isbaħ minn ta’ qabilha. Għal darb oħra s-sid reġa’ offra din il-mara għas-sess bħala ħlas għal flixkun whisky, bis-sid tal-ħanut jerġa’ jirrifjuta għat-tieni darba.
Aktar tard filgħaxija l-akkużat reġa’ tfaċċa fl-istess ħanut fejn beda jhedded lis-sid b’dik li kienet tidher qisha arma tan-nar. Hu rnexxielu jieħu l-cash register li fiha kien hemm €500, u ħarab minn fuq il-post.
Attard qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukat tiegħu jgħid li r-raġel qed jgħix f’ċirkostanzi iebsa, minħabba li martu kienet ilha snin marida filwaqt li hu għandu l-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Lydon Zammit, spjegat illi l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Hu indikalhom ukoll il-post eżatt fejn ħalla l-cash register li seraq.
//= $special ?>