Il-Kabinett tal-Prim Ministru Theresa May iddeċieda li jeskala l-preparamenti għal sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim formali mal-kumplament tal-membri.
Dan meta fadal it-tħassib u l-inċertezza sostanzjali dwar il-ftehim propost ta’ Theresa May għall-proċess tal-Brexit.
Il-Ministri f’Londra approvaw l-ammont ta’ żewġ biljun Sterlina għad-dipartimenti tal-Gvern li għandu jgħin f’ċirkustanzi fejn ir-Renju Unit jikkonkludi l-Brexit mingħajr ftehim fid-29 ta’ Marzu li ġej. Ir-rapporti qalu, intant, li qed jintbagħtu l-ittri lil madwar 140,000 kumpannija biex javżawhom dwar it-tħejjijiet għall-Brexit.
Meta fadal madwar 100 jum għall-Brexit hemm ħafna deputati Britanniċi li għadhom jopponu l-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Intant, il-Ministri Britanniċi, fl-aħħar sigħat, kellhom laqgħa itwal mis-soltu f’Londra, bis-Segretarju għall-Brexit, Stephen Barclay, jgħid li l-Kabinett qabel biex it-tħejjijiet għal sitwazzjoni ta’ no-deal ma’ Brussell jingħataw l-importanza dovuta mill-Gvern.
Dan meta l-priorità ewlenija għall-Gvern ta’ May tibqa’ ftehim mal-Unjoni Ewropea għal wara l-Brexit.
Barclay spjega li l-ippjanar għal nuqqas ta’ ftehim ‘jeħtieġ ikun aktar ta’ priorità għan-negozji Britanniċi’ li fil-ġimgħat li jmiss se jingħataw ‘il-gwidi sinifikanti’ bil-għan li jħejju għall-ġejjieni.
Is-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Gavin Williamson, sadanittant, informa lid-deputati f’Londra li madwar 3,500 element militari huma lesti biex ikunu stazzjonati ‘f’każ ta’ bżonn’ minn kwalunkwe Dipartiment tal-Gvern, fl-eventwalità ta’ ‘no-deal Brexit’.
Min-naħa tiegħu, Guy Verhofstadt, in-negozjatur għall-Parlament Ewropew dwar il-Brexit, ikkritika lill-Ministri Britanniċi li, skont hu, qegħdin ‘jigglorifikaw’ fil-prospett li pajjiżhom jitlaq mill-UE mingħajr ftehim komprensiv ‘u bit-tama li jintlaħqu l-ftehim individwali f’numru ta’ oqsma li jinkludu t-trasport’.
//= $special ?>

