Internazzjonali

Jinsisti li ċ-Ċina ma tridx tiddomina għall-ispejjeż ta’ ħaddieħor

Il-President taċ-Ċina, Xi Jingping, qal li pajjiżu ma għandux l-intenzjoni li jiddomina pajjiżi oħra u jiżviluppa għall-ispejjeż tagħhom. Hu ħareġ bl-istqarrija waqt diskors li fakkar l-40 sena mindu ċ-Ċina introduċiet riformi ekonomiċi kbar, iżda għamilha ċara wkoll li ‘pajjiżu mhux se jaċċetta li jagħmel dak li jgħidlu ħaddieħor’.

Il-kampanja għar-riformi fiċ-Ċina bdiet 40 sena ilu taħt l-eks Mexxej Ċiniż, Deng Xiaoping, bir-riżultat li l-pajjiż żviluppa fit-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja.

Tul is-snin, mijiet ta’ miljuni ta’ Ċiniżi ntrefgħu mill-faqar, iżda fl-aħħar żmenijiet iċ-Ċina kellha tiffaċċja d-djun enormi, bir-ritmu tal-iżvilupp inaqqas.

Sadanittant, Xi Jinping qal li minkejja l-kisbiet ekonomiċi, iċ-Ċina ‘mhi se tfittex qatt id-dominju globali’ waqt li enfasizza l-kontribut ta’ pajjiżu għal ‘futur li jista’ jaqsam fih kulħadd. Fl-istess ħin, Xi Jingping, waqt id-diskors, ma għamel l-ebda referenza għat-tilwima kummerċjali bejn pajjiżu u l-Istati Uniti.

Iċ-Ċina, illum, għadha qed tieħu l-miżuri ħorox kontra d-dissens politiku, meta hi akkużata li tefgħet fi priġunerija lmijiet ta’ eluf ta’ Musulmani ( fir-reġjun ta’ Xinjiang) mingħajr ma għaddiethom minn proċess. Dan meta l-aġir ‘kważi-aggressiv’ taċ-Ċina fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar, fejn hemm ir-rotot importanti għall-vapuri, qajjem tħassib fost pajjiżi oħra tal-Asja li ċ-Ċiniżi ‘qed jaħsbu tassew biex jiddominaw ir-reġjun’.

Sadanittant, Xi Jinping faħħar il-prgress taċ-Ċina fl-aħħar snin u sostna li, wara dan is-suċċess, ‘ħadd mhu f’pożizzjoni biex jiddetta (liċ-Ċiniżi) dwar x’għandu u x’ma għandux isir’.

Il-President Ċiniż, imbagħad, irrefera ‘għall-isforzi taċ-Ċina biex tkun mutur għall-ġid fid-dinja’, waqt li fisser Beijing, fost oħrajn, bħala ‘promotur għall-paċi fid-dinja’, ‘difensur tal-ordni internazzjonali u ‘protagonista fil-politika dwar il-bidliet fil-klima’.