Internazzjonali

Spanja: Għadab nazzjonali għall-qtil brutali ta’ għalliema

Il-qtil ta’ mara ta’ 26 sena li vvjaġġat fit-tul, fi Spanja, għal xogħol bħala għalliema qajjem rabja kbira fil-pajjiż, bl-omiċidju qed jitqies bħala l-aħħar każ ta’ profil għoli li jirrifletti ‘kultura ta’ vjolenza kontra l-mara’.

Il-katavru ta’ Laura Luelmo, residenti ta’ Zamora, instab f’zona remota qrib il-villaġġ ta’ El Campillo wara tfittxija ta’ ġranet għaliha u li fiha ħadu sehem talanqas 200 voluntiera u uffiċjali.

L-indikazzjonijiet huma li hi sofriet vjolenza sesswali u li hi pruvat tiddefendi lilha nnfsiha sal-aħħar — bil-qtil, qed ikun investigat bir-reqqa mill-pulizija.

Din il-mara kienet ivvjaġġat xi 500 kilometru għall-ewwel xogħol ‘full-time’, b’Carmen Calvo, il-Viċi-Prim Ministru Spanjol u Ministru għall-Ugwaljanza, tistqarr li ‘in-nisa qegħdin iħallsu prezz krudili għal-libertà u s-sigurtà fis-soċjetà’.

L-attivisti fi Spanja qalu wkoll li l-vjolenza kontra n-nisa ‘għad għandha l-għeruq’ qalb is-soċjetà Spanjola.