Ġie preżentat appell quddiem it-Tirbunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar sabiex jitwaqqaf ix-xogħol fuq il-pool il-ġdid li jrid jagħmel il-Ministru Ian Borg fil-villa tiegħu fil-limiti tar-Rabat.
L-oġġessjoni iddaħħlet minn Noel Ciantar li minn naħa tiegħu preżenta dokument ta’ 25 paġna, li jippreżenta 11-il raġuni għaliex dan il-permess għandu jiġi revokat. Il-permess għall-pool ta’ Ian Borg inħareġ f’Ottubru li għadda, u qajjem kontroversja sħiħa għall-fatt li l-Awtorita’ tal-Ippjanar taqa’ direttament fir-responsabbilta’ politika tal-Ministru Borg.
Oriġinarjament, anke l-permess għall-bini tal-villa kien qajjem kaos sħiħ tant li spiċċa quddiem l-Ombudsman. Fil-fatt, f’dan l-aħħar appell, Noel Ciantar jgħid illi l-Awtorita’ naqset milli tirevedi dan il-permess oriġinali kif talab l-Ombudsman stess li kien iddeskriva bħala “żball gravi” li ħareġ dan il-permess.
Dwar il-pool, l-appell jgħid illi l-Awtorita’ użat riga differenti biex tiġġustifika dan l-iżvilupp fuq art mhux mibnija, u li l-membri tal-Planning Commission ma ddikjarawx il-kunflitt ta’ interess tagħhom – meta dawn kienu appuntati f’din il-pożizzjoni mill-Ministru innifsu.
//= $special ?>