Aħbar pożittiva għaċ-champions lokali Valletta FC hekk kif jinsabu viċin ħafna li jkollhom l-art tant mixtieqa biex ikunu jistgħu jibnu stadium filwaqt li jikkummerċjalizzawha wkoll. Qal dan il-President ta’ Valletta Victor Sciriha f’intervent telefoniku waqt Replay Ikompli fuq NET FM.
Sciriha flimkien ma’ rappreżentant tal-investituri Sanban Group kellhom laqgħa t-Tnejn mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima. Il-President ta’ Valletta qal li l-art li mistennija jingħataw hi l-istess waħda li kienet proposta qabel f’Ħal Luqa, bid-differenza li l-gvern wiegħed li se jnaddaf din l-art li iżda se ddum kważi sentejn biex titnaddaf kollha.
Victor Sciriha kompla li din l-art proposta hi kbira madwar 15-il tomna, li hi għaxart itmiem anqas minn dik li bħalissa qed iħallsu l-kera fuqha f’Ħal Farrug u ma jistgħux jibnu fuqha. Madwar nofs l-art proposta, għadha trid tkun libera u dan mistenni jseħħ fit-tielet ġimgħa ta’ Jannar li ġej.
“Kulma jonqos isir kuntratt u niffirmawh.” Scriha żied li l-proċess li jmiss hu li d-Dipariment tal-Artijiet jgħaddi l-art lil SportMalta u jsir il-kuntratt ma’ Valletta FC mhux ma’ Sanban Group għal 99 sena, b’Victor Sciriha jemmen li dan mistenni jkun konkluż f’Jannar jew l-aktar tard fi Frar tas-sena d-dieħla.
Valletta FC ilhom jistennew għal żmien twil biex ikunu jistgħu jibnu stadium. F’Ġunju tal-2011 fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-klabb, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport ta’ dak iż-żmien Clyde Puli kien ippreżenta lill-President ta’ Valletta Victor Sciriha l-art b’kera ta’ 49 sena f’Ħal Farruġ.
Madwar sentejn u nofs wara fejn anki nbidlet l-amministrazzjoni, kien intqal lil li Valletta ma jistgħux jibnu fuq l-art li ngħatat u li l-Gvern irid l-art minħabba l-avjazzjoni. Minħabba li l-art kienet ta’ Valletta, huma riedu li jingħataw art oħra li tikkumpensa għal dik li għandhom u wara aktar minn seba’ snin, din id-darba Valletta jidhru verament viċin.
“Allaħares ma naslux issa għax naqbad u nżarma. Ilna għaddejjin snin snin twal,” b’Sciriha jżid li f’Jannar għandu jasal f’pajjiżna wieħed mid-Diretturi tal-investituri Sanban Group fejn Sciriha diġà ppjana laqgħa oħra mas-Segretarju Parlamentari.
Dawn l-investituri għandhom pjan li jibnu villaġġ sportiv b’investiment ta’ €250 miljun li ma jinkludux biss stadium iżda lukanda, ristorant, hym, kumpless tal-futbol u diversi faċilitajiet tal-futbol. Sciriha qal li l-investituri jistgħu jikkumerċjalizzaw l-art u għal dan l-għan hu ideali.
Il-President ta’ Valletta kien fuq quddiem fl-insistenza tiegħu biex il-klabb li tiegħu hu l-President ikollu l-faċilitajiet neċessarji. “Inħobb il-futbol Malti, inħobb il-Belt, jiġifieri, għalija dejjem kien ta’ diżappunt kbir li l-akbar klabb ta’ Malta ma kellux il-faċilitajiet tiegħu, issa nisperaw li naslu.”
//= $special ?>