Futbol Sport

Zlatan Ibrahimovic iġedded il-kuntratt ma’ Los Angeles Galaxy

Zlatan Ibrahimovic iffirma kuntratt ġdid ma’ Los Angeles Galaxy li se tara lill-attakkant jilgħab fl-istaġun ta’ din is-sena tal-Major Soccer League. Il-plejer ta’ 37 sena ngħaqad ma’ Los Angeles Galaxy f’Marzu u għamel impatt fl-ewwel staġun tiegħu fl-Istati Uniti, bi 22 gowl skorjat f’27 logħba.

Hu spiċċa fit-tieni post fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-MLS wara Josef Martinez ta’ Atlanta United. Iżda l-gowls tiegħu ma kinux biżżejjed biex Galaxy jidħlu fil-play-offs wara li tilfu kontra Houston Dynamo fl-aħħar logħba.

Minn meta ntemm l-istaġun fl-Istati Uniti, Ibrahimovic kien qed jissemma li seta’ jirritorna fl-Ewropa, b’Milan dehru l-aktar interessati fih. Iżda issa jidher li Ibrahimovic mhux se jkun qed jingħaqad ma’ xi ħadd b’self għal ftit xhur sakemm jibda l-istaġun tal-Major Soccer League.

“Aħna kuntenti li ffirmajna lil Zlatan b’kuntratt li fih se jirritorna għall-istaġun tal-2019. Hu wera l-valur tiegħu l-istaġun li għadda u ninsabu ħerqana li jirrappreżenta lill-klabb tagħna s-sena d-dieħla. Bir-ritorn ta’ Zlatan, se nkomplu ntejbu lit-tim bi preparazzjoni għall-istaġun.

Ibrahimovic ingħaqad ma’ Cristiano Ronaldo u Lionel Messi bħala t-tielet plejer attiv li skorja 500 gowl mal-klabb jew mat-tim nazzjonali b’gowl kontra Toronto FC fil-15 ta’ Settembru. Hu rebaħ il-Plejer tas-Sena ta’ Los Angeles Galaxy u rebaħ l-aqwa debuttant u l-aqwa gowl tal-Major Soccer League.