Sport Sport Ieħor

Bernard Sammut jirbaħ mutur fil-WotoMoto Enduro Challenge

(Ritratt: Mario Micallef)

Il-Ħadd li għadda fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali ġiet organizzata l-ewwel attività mill-Kampjonat Nazzjonali WotoMoto Enduro għal dan l-istaġun.

L-attenzjoni prinċipali kienet għal min se jirbaħ mutur ġdid fi Klassi A. Bernard Sammut fuq Husqvarna spiċċa rebbieħ b’ħin ta’ sitt minuti 31.829 sekonda segwit minn Carmelo Borg fuq Honda u Matthew Gauci fuq Beta li daħal kważi 27 sekonda warajh. Fi tmiem l-attività, Sammut kien ippreżentat b’mutur ġdid BETA RR 350 mill-kumpanija WotoMoto Limited, biex b’hekk matul l-istaġun jista’ jagħmel użu minn dan il-mutur.

Carmelo Borg li spiċċa t-tieni kien ippreżentat hamper filwaqt li Matthew Gauci kien ippreżentat b’voucher mid-ditta BETA. WotoMoto se jerġa’ jkun l-isponsor ewlieni għat-tielet edizzjoni s-sena d-dieħla. Il-preżentazzjoni saret mill-General Manager ta’ WotoMoto Limited Neil Falzon fil-preżenza tal-President tal-Enduro Eddie Bonello.

Fi Klassi B, Daniel Borg fuq Beta 350 ħareġ rebbieħ b’ħin ta’ seba’ minuti 29.401 sekonda segwit minn Andrew Cassar fuq KTM 300 u Aidan Camilleri wkoll fuq KTM 300 f’ħin ta’ seba’ minuti 41.746 sekonda. Fi Klassi Ċ kien hemm numru ta’ kompetituri ġodda, bir-rebbieħ kien Luke Borg fuq Kawasaki 250 f’ħin ta’ tmien minuti 4.439 sekondi. Kevin Calleja fuq KTM 150 daħal it-tieni segwit minn Kyle Stone fuq KTM 250.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi jew isir kuntatt b’email fuq info@asmk.org.mt

Il-Ħadd issir id-Demolition Derby

Intant il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se torganizza l-attività speċjali tad-Demolition Derby li ssir kull sena fi żmien il-Milied. Bħas-snin preċedenti l-attività ssir biex jinġabru fondi għall-Istrina.

F’din il-25 edizzjoni tal-attività, fil-programm tal-ġurnata se jkun hemm is-sezzjoni Autocross bit-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti u l-muturi Motocross itellgħu l-attività Fun Race.

Il-programm tal-ġurnata jibda fit-8.00am, bil-muturi u l-karozzi jsegwu mill-10.00am. Il-programm mistenni jispiċċa bid-Demolition Derby li tibda għal madwar it-3.00pm.

Minkejja li l-kompetituri qed isibuha diffiċli ħafna biex jixtru karozzi qodma għal dan l-avveniment li jsir darba f’sena, 30 kompetitur irreġistraw, bi 11 minnhom huma ġodda. Meta n-numru ta’ kompetituri jitla’ b’aktar minn terz, jagħmilha aktar diffiċli li ssir previżjoni ta’ min jista’ jirbaħ.

Għalkemm il-ħbit tal-karozzi hu l-irwol ta’ din il-logħba, is-sewwieqa għandhom regoli marbuta mas-sigurtà li jiġu osservati biex titħares is-saħħa tas-sewwieqa kollha.

(Ritratt: Mario Micallef)
Tags