Il-Ħadd 16 ta’ Diċembru l-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex żamm il-laqgħa annwali tal-komunità, fejn suppost li r-residenti jkollhom l-opportunità jgħidu tagħhom dwar il-ħidma u l-infiq tal-Kunsill u jgħaddu suġġerimenti dwar kif tista’ titjieb il-qagħda fil-lokalità.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Kevin Cutajar u Anthony Attard li attendew għal din il-laqgħa jinnutaw li żewġ Kunsillieri Laburisti fosthom il-Viċi Sindku naqsu milli jattendu bla ma taw raġuni. Dan in-nuqqas ta’ interess fil-laqgħa tal-komunità taħti għalih il-maġġoranza Laburista fil-Kunsill. Dan mhux biss għax tnejn mill-Kunsillieri Laburisti anqas indenjaw ruħhom jattendu, iżda wkoll għax l-istess maġġoranza Laburista donnha li qed tagħmel minn kollox biex għal din il-laqgħa jattendi pubbliku mill-anqas.
Sena wara l-oħra ġie nnutat li għal-laqgħa tal-komunità qed issir ftit li xejn reklamar u dan minkejja l-appelli tal-kunsillieri Nazzjonalisti. Din is-sena l-anqas ir-reklamar minima mitluba mil-liġi ma saret.
Kuntrarju għal dak li tgħid il-liġi, l-laqgħa tal-komunità nżammet f’post mhux aċċessibbli għal min għandu diżabilità, biex b’hekk dawn il-persuni ma setgħux jattendu. Fl-aħħar u bi ksur tal-liġi wkoll, ma ġietx ippreżentata business plan bil-ħidma tal-Kunsill ppjanat għaż-żmien li ġej, biex b’hekk min kien se jattendi għal-laqgħa ma setax ikun jaf x’ħidma qed tiġi proposta.
Għall-Kunsillieri Nazzjonalisti Kevin Cutajar u Anthony Attard, dan juri li l-maġġoranza Laburista fil-Kunsill Lokali tax-Xagħra donnha li qed tuża tattiċi bil-pulit sabiex tevita d-diskussjoni mal-pubbliku dwar il-ħidma u l-infiq tal-istess Kunsill. Dan mhux aċċettabbli, speċjalment meta dawn it-tattiċi jsiru bi ksur tal-liġi bħal fil-każ tal-laqgħa tal-komunità ta’ din is-sena. Għalhekk l-Kunsillieri Nazzjonalisti ġibdu l-attenzjoni għal dan u meta ġew injorati u saħansitra akkużati bi tfettiq mis-Sindku mxew ‘l barra bi protesta.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Kevin Cutajar u Anthony Attard jemmnu fid-dritt tan-nies li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Kunsill u għalhekk filwaqt li se jmexxu l’quddiem dan il-ksur tal-liġi, jerġgħu għal darb’oħra jwegħdu lir-residenti tax-Xagħra li se jkomplu jinsistu biex dan id-dritt jiġi osservat mill-magġoranża Laburista fl-interess tal-istess residenti.
//= $special ?>