Jidher li tul perjodu ta’ tliet snin kienu qed jinsterqu messaġġi diplomatiċi importanti tal-Unjoni Ewropea. Dan wara li l-hackers, li s-suspetti huma li huma Ċiniżi, infiltraw is-sistema.
Dan kien żvelat min-New York Times, li qalet li fil-mira kien hemm il-messaġġi li jintbagħtu mill-Ambaxxati tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja. Is-serq inkixef mill-kumpanija tas-cybersecurity ‘Area 1’ u ntqal li dawk meqjusa kunfidenzjali jew top secret ma kinux affettwati.
Jidher li l-aċċess inkiseb minn uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’Ċipru.
Ħafna mill-messaġġi huma rapporti normali ta’ kull ġimgħa dwar laqgħat li jkun hemm mal-uffiċjali tal-pajjiż. Il-messaġġi aktar sensittivi jgħaddu minn sistema differenti, li ma kinitx affettwata. Is-sorsi qalu li b’differenza għal dak li ġara mal-Wikileaks fil-passat, dan il-każ jidher li hu wieħed purament ta’ spjunaġġ u ma kien hemm ebda sforz biex id-dokumenti misruqa jiġu pubblikati.
//= $special ?>

