Jibdew in-negozjati dwar l-użu ġust u trasparenti tal-pjattaformi online
Bħalissa, l-MEP Zammit Dimech għaddej bin-negozjati dwar regolament ġdid li jikkonċerna l-pjattaformi, bil-għan li jkunu salvagwardati l-interessi tal-SMEs u n-negozji li jużaw pjattaformi online biex jilħqu lill-konsumaturi, filwaqt li jipprovdi lill-konsumaturi b’għażla aktar wiesgħa u valur aħjar għal flushom.
Wara l-ewwel rawnd ta’ negozjati, Zammit Dimech qal “Dan ir-regolament mhux biss kruċjali għan-negozji Maltin, inkluż dawk fis-settur tal-ospitalità li jiddependu fuq pjattaformi biex jilħqu lill-konsumaturi, iżda anke għall-konsumaturi li jużaw pjattaformi b’mod estensiv biex jixtru titjiriet, akkomodazzjoni u prodotti oħra minn pjattaformi, u jfittxu valur għal flushom.” Zammit Dimech spjega li simili għal xejriet fl-UE, il-pjattaformi online f’Malta qed jiżdiedu u għalhekk, dan ir-regolament hu importanti. Hu qal li l-kuntratti fis-settur bejn pjattaformi u negozji għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji tal-ġustizzja bona fidi.
Waqt id-diskussjonijiet bejn rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, Zammit Dimech enfasizza l-bżonn li dawk li jużaw negozji żgħar jkunu protetti minn prattiċi inġusti, u li dan jista’ jsir permezz ta’ ‘black list’ ta’ prattiċi ta’ kummerċ inġusti li jkollhom jiġu evitati mill-pjattaformi. Eżempju ta’ dan hu meta l-pjattaformi ma jħallux negozji milli jużaw pjattaformi li jkunu f’kompetizzjoni biex jippromwovu servizzi u prodotti oħra.
Filwaqt li dan ir-regolament kif propost mill-Kummissjoni hu pass importanti ‘l quddiem, Zammit Dimech ressaq diversi emendi biex isaħħaħ l-aspett tal-ġustizzja tar-regolament, u biex jassigura ambjent online ġust għal dawk li jużaw in-negozji. Zammit Dimech kien Rapporter fuq dan ir-regolament il-ġdid. Ir-rapport ġie approvat b’mod unanimu mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Affarijiet Legali. Il-proposti tiegħu, imbagħad, ġew approvati wkoll mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO).
Fil-laqgħa ħadet sehem il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Mariya Gabriel. It-tieni rawnd tan-negozji mistenni jkomplu fil-bidu ta’ Jannar.
//= $special ?>