Futbol Sport

Josè Mourinho jitlob li jitħalla jgħix il-ħajja normali tiegħu

(Ritratt: EPA)

Josè Mourinho jinsab kburi biż-żmien li għamel bħala manager ta’ Manchester United iżda ma daħalx fid-dettall dwar it-tluq tiegħu minn mar-Red Devils. Mourinho spiċċa mill-kariga tiegħu wara sentejn u nofs it-Tlieta wara bidu negattiv f’dan l-istaġun.

Mourinho rebaħ il-Community Shield, il-League Cup u l-Europa League fl-ewwel sena tat-tmexxija tiegħu u fit-tieni staġun tiegħu spiċċa t-tieni fil-Premier League u finalist fl-FA Cup.

Fi stqarrija lbieraħ Mourinho qal li jinsab kburi li libes l-arma ta’ Manchester United mill-ewwel ġurnata li wasal u jemmen li l-partitari jagħrfu dan. Hu kompla li bħal meta kien ma’ klabbs passati, ħadem ma’ nies tajbin u jemmen li uħud minnhom se jkunu ħbieb tiegħu għal dejjem.

“Naf li intom konxji mill-prinċipji professjonali tiegħu. Kull darba li kapitlu jingħalaq jien nuri rispett sħiħ u ma ngħaddi l-ebda kumment dwar l-eks kollegi tiegħi. Nittama li l-media wkoll tirrispetta l-pożizzjoni tiegħu u tħallu lili ngħix il-ħajja normali tiegħu sal-mument li niddeċiedi li nirritorna fil-futbol. Il-Milied it-Tajjeb,” qalet Mourinho fl-istqarrija.

Il-Portugiż tkellem fil-qosor ilbieraħ ma’ Sky Sports wara li kienu qed jistennewh ħdejn id-dar tiegħu f’Londra. Hu rrifjuta li jitkellem fid-dettall dwar x’ġara f’Manchester. “Jien inżomm l-affarijiet tajbin u ma nitkellem dwar xejn li ġara fil-klabb. Nistgħu nitkellmu fuq ħafna affarijiet tajbin, nistgħu nitkellmu fuq affarijiet anqas tajbin imma dak mhux jien. Kollox intemm.”

“Manchester United għandhom futur mingħajri u jien għandi futur mingħajr Manchester United, għalhekk għalfejn issa għandi naqsam magħkom jew mal-partitarji l-ħsibijiet tiegħi. Spiċċa kollox u dak jien u dak hu l-mod li dejjem imxejt bih,” temm Mourinho.