Lokali Qorti

“Ma kellix bżonn permess biex insalva lin-nies” – il-kaptan tal-Lifeline

Xiehda passjonata fil-Qorti mill-kaptan Reisch

Il-kaptan tal-bastiment Lifeline qed jinsisti li ma kellu bżonn l-ebda permess speċjali biex isalva l-immigranti għaliex il-ħajja hi dejjem imħarsa bil-liġi. Dikjarazzjoni qawwija li saret fil-Qorti minn Claus-Peter Reisch, hekk kif hu għadu għaddej proċeduri minħabba t-trasport ta’ immigranti f’ibħra territorjali Maltin.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Claus-Peter Reisch qal li hu jagħmel il-ħidma ta’ salvataġġ fil-Mediterran b’mod volontarju. Fil-fatt, Reisch daħak meta ġie mistoqsi kemm idaħħal flus għal dan ix-xogħol.

Il-kaptan Ġermaniż spiċċa fl-aħbarijiet wara li f’Ġunju li għadda l-Lifeline salva 200 immigrant ‘il barra mill-kosta Libjana.

L-ispetturi Mario Haber u Daryl Borg qed imexxu l-Prosekuzzjoni. L-avukati Cedric Mifsud u Neil Falzon qed jidhru għall-akkużat.

Il-każ se jkompli jinstema’ f’Jannar.