Formula 1 Sport

Ross Brawn jgħid li jista’ jsir Grand Prix tal-Formula 1 f’Londra

Ross Brawn ikkonferma li l-kapijiet tal-Formula 1 qed jesploraw il-possibbiltà li jorganizzaw Grand Prix f’Londra. Brawn ċaħad il-possibbiltà li ssir tellieqa fiċ-ċentru tal-belt Ingliża, iżda jemmen li hemm skop għal avveniment fuq in-naħa ta’ barra tal-kapitali Ingliża.

Brawn qal f’intervista ma’ London Evening Standard li jkun inaċċettabbli t-tfixkil li jinħoloq fiċ-ċentru ta’ Londra. Hu żied li Londra hi belt ikonika bi storja kbira fl-isport u sostna li jeżisti entużjażmu kbir fil-belt.

Minkejja l-interess possibbli ta’ Grand Prix ieħor fir-Renju Unit, Brawn insista li dan mhux neċessarjament ifisser it-tmiem tal-Grand Prix ta’ Silverstone bħala t-tellieqa tar-Renju Unit. Is-sena d-dieħla se tkun l-aħħar tellieqa f’Silverstone sakemm ma jintlaħaqx ftehim ġdid.

Iżda Brawn jibqa’ pożittiv dwar il-possibbiltà li tibqa’ fil-kalendarju b’żieda magħha. “Irridu li Londra tikkumplimenta Silverstone mhux tieħu postha. Nistgħu naraw modi li taħdem għaż-żewġ naħat,” qal Brawn.