Tottenham pattew għat-telfa li sofrew fil-Premier League ftit ġimgħat ilu kontra Arsenal, meta din id-darba rebħu 2-0 ukoll fl-Emirates Stadium biex għaddew għas-semifinali tal-League Cup. It-tim ta’ Pochettino fetaħ l-iskor fl-20 minuta meta Dele Alli għadda passaġġ preċiż lejn Heung Min-Son li għeleb in-nasba tal-offside, avvanza u għeleb lil Petr Cech b’xutt fil-baxx.
Tottenham irduppjaw mas-siegħa logħob meta ballun mill-gowlkiper Paulo Gazzaniga spiċċa f’nofs il-grawnd, b’Harry Kane jikkontrolla b’mod brillanti b’sidru u tefa’ ballun fit-tul preċiż lejn Dele Alli li qabad id-difiża avversarja fuq sieq waħda, avvanza u qabbeż perfettament fuq Cech.
Chelsea għelbu lil Bournemouth 1-0 fi Stamford Bridge bil-gowl deċiżiv jasal fl-84 minuta meta kien is-solitu Eden Hazard li ħa vantaġġ minn taħwida fil-kaxxa u b’xutt li kien imxellef minn id Charlie Daniels, għeleb lil Artur Boruc.
Wara ż-żewġ logħbiet telgħu l-poloz tas-semifinali, b’Manchester City ikollhom l-eħfef polza kontra Burton Albion filwaqt li Tottenham se jilagħbu f’derby ta’ Londra kontra Chelsea.
//= $special ?>