Futbol Sport

Tripletta ta’ Gareth Bale tpoġġi lil Real Madrid fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs

(Ritratt: EPA)

Real Madrid ikkwalifikaw għat-tielet finali konsekuttiva tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs, b’rebħa ta’ 3-1 fuq il-Ġappuniżi Kashima Antlers. B’hekk huma baqgħu jittamaw li jirbħu din il-kompetizzjoni għat-tielet sena konsekuttiva.

Il-Madrileni marru fil-vantaġġ qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Gareth Bale ħabbat il-ballun ma’ Marcelo u għeleb lil Sun-Tae Kwon b’xutt fil-baxx. L-iskor sar 2-0 fit-53 minuta b’Gareth Bale jieħu vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża, qabeż lill-gowlkiper u skorja f’lasta vojta. Il-winger minn Wales għaqqad it-tripletta personali żewġ minuti wara meta rċieva mingħand Marcelo u skorja b’xutt b’saħħtu.

Kashima Antlers naqqsu d-distakk fis-77 minuta b’gowl ta’ Shoma Doi, li kien konfermat bil-VAR. Real Madrid jilagħbu fil-finali kontra Al Ain is-Sibt li ġej fil-5.30pm f’Abu Dhabi.