Lokali

Adrian Delia jwassal l-awguri tiegħu tal-Milied

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia l-Ħamis ta l-awguri tiegħu għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna.

Adrian Delia ltaqa’ mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, biex iktar tard iltaqa’ wkoll mal-Arċisqof Charles Scicluna fil-Palazz tal-Arċisqof.

Matul il-ġurnata kien hemm ukoll żjarat mill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista lill-awtoritajiet ta’ Malta.

Id-delegazzjoni, immexxija mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, kellha skambju ta’ awguri mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca kif ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Arċisqof Charles Scicluna.

Sadattant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qed jaqsam l-awguri tiegħu b’mod personali mal-pubbliku nhar is-Sibt 22 ta’ Diċembru fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Pietà, bejn l-għaxra ta’ filgħodu u nofsinhar.

Adrian Delia se jkun akkumpanjat mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista sabiex ikunu jistgħu jaqsmu x-xewqat għal dan iż-żmien tal-festi, u għalhekk dakinhar qiegħed jistieden lill-pubbliku fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.