Lokali

Città Vittoriosa tilbes il-libsa tal-Milied

Il-komunità tal-Birgu mill-ġdid ingħaqdet għal attività oħra, din id-darba villaġġ tal-Milied li se jittrasforma lil Città Vittoriosa b’libsa ta’ żmien il-festi.

Dan hekk kif il-Ġimgħa tiftaħ Natale al Collachio, liema attvità se tittrasforma l-eqdem inħawi tal-Birgu b’tiżjin tal-Milied, wirjiet tal-Presepji fosthom fil-Kunsill lokali tal-Birgu, inkluż presepju life size fil-kantina tas-sorijiet tal-klawsura, kif ukoll villaġġ tal-Milied u Santa’s House.

Kif jispjega Glenn Agius, wieħed miż-żgħażagħ parti mill-organizzaturi Ten08, għal darb’oħra l-Ġirbin qed jispikkaw għaliex ingħaqdu fl-inizjattiva li huma wkoll iżejnu l-faċċati tar-residenzi tagħhom.

Parti mill-attività se tinkludi wkoll żona mixgħula bix-xemgħat wara li t-temp ħassar l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Birgu by Candlelight.

Kollox jibda l-Ġimgħa fis-sitta ta’ wara nofsinhar, meta l-purċissjoni tradizzjonali tal-Milied tkun akkumpanjata mill-kor tal-Iskola Primarja tal-lokalalita u x-Xgħajra Pipes and Drums.

Isir ukoll kunċert b’xejn mill-Joy Gospel Choir fil-Knisja ta’ Santa Skolastika.

L-għada imbagħad, il-Banda ta’ San Lawrenz tagħti kunċert tal-Milied, waqt li diversi bands lokali oħra joffru spettaklu fuq is-swar tal-Belt fejn dawk li jattendu jistgħu jgawdu veduti mill-aqwa waqt li dak li jkun jiekol u jixrob ikel tradizzjonali relatat ma’ dawn iż-żminijiet.