“Il-messaġġ tal-Milied huwa wieħed ta’ tama u kuraġġ biex inħarsu ‘l quddiem.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-ftuħ tal-attività Milied Flimkien.
Adrian Delia qal li matul dawn il-ġranet, l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u l-għaqdiet volontarji għandhom l-obbligu li jingħaqdu flimkien sabiex inwasslu messaġġ ta’ kuraġġ u tama lil kulħadd. Min għandu rridu ninkoraġġuh jaqsam ma’ min m’għandux u min m’għandux għandna nitkellmu għalih u nuruh is-solidarjetà sħiħa.
Adrian Delia qal li l-Gvern għandu l-obbligu li jagħti l-għajnuniet soċjali, iżda bħala nazzjon għandna nuru s-solidarjetà mad-dgħajfin bħala poplu wieħed magħqud. Huwa qal li f’dan iż-żmien irid ikollna messaġġ qawwi li ninsabu lesti u kapaċi li ngħinu lil xulxin.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li biex nagħmlu din il-mixja ta’ solidarjetà flimkien hemm bżonn ukoll tal-azzjoni volontarja ta’ eluf ta’ persuni, li jagħtu ħinhom u l-enerġija kollha tagħhom biex jgħinu lill-ħaddieħor. Dr Delia rringrazzja lis-settur volontarju, magħmul minn eluf ta’ voluntieri li jagħtu l-impenn u l-ħidma tagħhom f’dan il-qasam tant importanti fis-soċjetà.
Adrian Delia qal li partikolarment f’dawn il-jiem ta’ festi, għandna ningħaqdu sabiex ingawdu mill-frott tas-sena kollha u fl-istess ħin naħsbu fil-vulnerabbli, fid-dgħajfin, lil dawk li jinsabu waħedhom fis-solitudni, min qed ibati u l-foqra sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jaraw u jaqsmu t-tama u l-kuraġġ li jġib miegħu l-Milied.