Il-logħbiet kollha tas-Super League Grieg għal tmiem il-ġimgħa spiċċaw sospiżi meta r-referis ħarġu fuq strajk wara li kollega spiċċa jsofri attakk brutali barra r-residenza tiegħu. Intant, ma ssemmiet l-ebda data ġdida għall-impenji tal-kampjonat li kellhom jintlagħbu nhar is-Sibt u l-Ħadd.
Il-vittma tal-attakk, Thanasis Tzilos, li hu referi tal-FIFA, għadu kemm ħareġ mill-isptar fejn kien trattat għal sfreġju f’rasu u saqajh. Intant, l-Assoċjazzjoni tar-Referis Griegi għamlitha ċara li qed iżżomm lura mill-attivitajiet ‘għaż-żmien kollu li jidrilha xieraq’.
L-istqarrija tal-assoċjazzjoni sostniet ‘l-għadab tal-membri għall-attakki ripetuti fuq ir-referis’ u li l-membri ‘mhumiex se jaċċettaw din l-intimidazzjoni kontinwa’.
L-aħħar logħba ta’ Tzilos kienet id-draw, 1-1, dan ix-xahar bejn Olympiakos u Xanthi.
Sadanittant, il-klabbs Griegi Panathinaikos u Olympiakos ikkundannaw l-attakk fuq dan ir-referi, fejn qalu li ‘il-futbol Grieg spiċċa fil-qigħ b’dawn l-azzjonijiet’.
//= $special ?>