Il-klabb tal-Premier League, Arsenal, qal li ‘identifika’ lill-partitarju li waddab flixkun tal-plastik lejn Dele Alli, il-plejer ta’ Tottenham Hotspur, waqt il-kwarti-finali tal-Carabao Cup li ntlagħbet fil-lejl tal-Erbgħa, fl-Emirates Stadium.
Dan id-derby ta’ Londra ntrebaħ minn Spurs, 2-0, b’kelliema għal Arsenal, wara, jammettu li jinsabu ‘embarazzati’ dwar l-inċident fejn Alli – li skurja t-tieni gowl deċiżiv – intlaqat bil-flixkun f’rasu. Intant, il-pulizija għadhom qed imexxu l-investigazzjonijiet relatati.
Qed jingħad li l-persuna responsabbli mill-att ta’ aggressjoni se tkun projbita milli tidħol fl-Emirates għal żmien sostanzjali. Dan meta d-diriġenti ta’ Arsenal qed iħejju biex jgħaddu d-dettalji tal-individwu konċernat lill-pulizija biex dawn jibdew bil-proċeduri legali kontra tiegħu. Għalissa ma seħħ l-ebda arrest b’konnessjoni mal-każ.
Il-flixkun intefa’ lejn Alli fit-73 minuta tal-logħba u f’ħin meta Arsenal kienu qed iħejju biex jagħtu throw-in. Intant, il-plejer mhux se jiffaċċja passi dixxiplinarji għall-ġesti li għamel lill-partitarji ta’ Arsenal meta dar lejhom biex jindikalhom l-iskor b’subgħajh.
L-Assoċjazzjoni tal-Futbol fl-Ingilterra kienet infurmata bid-dettalji tal-inċident u qalet li se tappoġġa lill-pulizija u l-klabbs huma u jmexxu l-investigazzjonijiet dovuti.
//= $special ?>