Lokali

Il-qabda tad-droga tat-Tlieta kienet it-tieni l-akbar fl-istorja ta’ pajjiżna

L-2018 kienet sena rekord f’kull aspett għad-dipartiment tad-droga f’pajjiżna.

L-operazzjoni tad-dwana fil-Port Ħieles li bdiet nhar it-Tlieta u baqgħet għaddejja sas-sigħat bikrija ta’ dalgħodu rriżultat f’qabda ta’ 5,020kg reżina tal-kannabis. Id-droga instabet moħbija f’kontejner li oriġina mill-port ta’ Algeciras. Hu stmat li d-droga għandha valur fis-suq ta’ madwar €7,450,000, u kienet destinata għal għand kumpanija rreġistrata f’Malta.

Id-droga kienet moħbija f’rollijiet ta’ plastik oħxon użat fl-argrikoltura.

Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello li qed tkun assistita mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kif ukoll minn esperti forensiċi.

Din is-sena biss, id-dwara għamlet l-akbar sejba ta’ droga f’Settembru – 11,000kg kannabis moħbija f’żewġ kontejners li waslu minn Damascus. Barra hekk sabu 150kg kannabis moħbija taħt kontejner fil-port ħieles f’Jannar, 100kg kokaina fi Frar, 44kg kokaina oħra f’kontejner f’Novembru, 10kg kannabis moħbija f’karozza ġejja minn Sqallija u 5kg kannabis u 2kg eroina moħbija f’bagalja ta’ passiġġier li kien għadu kemm wasal mill-Portugall f’Ottubru.