Lokali

Neville Gafà volontier f’Kastilja

Wara li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne keċċa lil Neville Gafà mill-pożizzjoni li kellu fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, l-istess Gafà baqa’ jirraport għax x-xogħol fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja fuq bażi volontarja.

Din l-aħbar ġiet irrapurtat fil-ġurnal Times of Malta li kompliet tgħid li l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar iddikkjara li hu ma jarax lok għal impjieg għas-Sur Gafà.

Gafà hu s-suġġett ta’ inkjesta li għaddeja dwar ħlasijiet irregolari għal-visas mediċi minn persuni midruba fil-Libja. Il-Qorti trid tiddetermina jekk hemmx provi biżżejjed li Gafà kienx talab għal ħlasijiet illegali ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Ewro sabiex jinħarġu visas mediċi għal dawn il-Libjani.

Fl-aħħar ġimgħat Ivan Grech Mintoff, mexxej ta’ Alleanza Bidla, tkellem iktar minn darba dwar kif Gafà talab għal dawn il-ħlasijiet u dwar iż-żjara li għamel l-istess Gafà ftit tal-ġimgħat ilu fil-Libja. Hu spjega kif jumejn biss wara li l-Maġistrat Francesco Depasquale talab li jixhdu l-Libjani li qed jagħmlu l-allegazzjonijiet kontra Nevile Gafà, l-istess Gafà kien il-Libja jiltaqa ma’ dawn ix-xhieda.

Grech Mintoff allega li Gafà offra ħlasijiet ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Ewro lill kull wieħed minn dawn ix-xhieda biex ma jixhdux kontrih. Mhux magħruf min kien se joħroġ il-flus għal dawn il-ħlasijiet.

Biex mar il-Libja Gafà kellha tinħariġlu visa, u sabiex setgħet tinħariġlu Gafà qal li ż-żjara kienet waħda uffiċjali. Madankollu l-Prim Ministru ċaħad li ż-żjara kienet waħda uffiċjali.

Minkejja l-fatti kollha li ħarġu dwar iż-żjara ta’ Nevilel Gafà l-Libja, l-allegazzjonijet qawwija kontrih u l-kawża kontrih fil-qorti, Muscat ma rax raġuni biex ikeċċih mill-uffiċju tiegħu. Anzi, ddefendih u qal li qed jagħmel xogħol tajjeb. Xogħol li milli jidher hu fuq bażi volontarja.