Dak li suppost kellu jkun “l‑aktar Gvern femminista li qatt rat Malta”, kif kien wiegħed Joseph Muscat ħames snin ilu, falla bil-kbir u bil-fatti. Għal darb’oħra għandna rapport u statistika li qed juru li l-wegħdi ta’ Joseph Muscat man-nisa Maltin kienu fiergħa u qarrieqa.
Dan tgħidu stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li tkompli tgħid li l-kejl dinji ewlieni fl‑ugwaljanza tal‑mara huwa l‑Global Gender Gap Index tal‑World Economic Forum. L-istqarrija tgħid li dan ikejjel id‑differenza bejn l‑irġiel u n‑nisa f’149 pajjiż f’oqsma importanti bħalma huma x‑xogħol, il‑pagi, is‑saħħa u l‑parteċipazzjoni pubblika. Dan ir-rapport għadu kemm ħareġ u juri waqgħat qawwijin ta’ Malta kemm ilu l-Partit Laburista fil-gvern.
L-istqarrija tgħid li fir-rapport li għadu kemm ġie ppubblikat, Malta sofriet dawn il-waqgħat fl-aħħar ħames snin meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn f’diversi oqsma
Fil‑paga tan‑nisa, Malta waqgħet mis‑87 post fl-2013 għall-106 post issa.
Fl‑ugwaljanza bejn is‑sessi fil‑pagi, Malta marret lura mid‑19-il post għat‑48 post.
Fis‑saħħa tan‑nisa, pajjiżna mar lura mill‑65 post għall-114-il post.
Fil‑healthy life expectancy, li huwa l‑kejl ta’ kemm mara Maltija mistennija tgħix b’saħħitha fit‑tul, Malta waqgħet lura mit‑78 post għall‑120 post fl-aħħar ħames snin.
Fil‑parteċipazzjoni pubblika tan‑nisa, Malta waqgħet mit‑53 post għall‑81 post.
Fil‑proporzjon tan-nisa fil‑Parlament, pajjiżna mar lura mid‑90 post għall‑122 post.
Fil‑karigi fejn jieħdu d‑deċiżjonijiet bħala Ministri, Malta fl-aħħar ħames snin waqgħet bil-kbir lura mill‑41 post għall‑126 post.
Quddiem dan in-nuqqas serju lejn in-nisa Maltin, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex verament jindirizza s-sitwazzjoni inġusta li qed jgħixu fiha n-nisa f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li bid-distakk qawwi li hemm bejn id-dħul tan-nisa u dak tal-irgiel, in-nisa qed jispiċċaw fil-faqar finanzjarju.
Din l-istqarrija kienet iffirmata minn Claudette Buttiegieg, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin.
//= $special ?>