Lokali

Akkużi lejn l-awtoritajiet Maltin minn missier iż-żagħżugħ li kien instab mejjet f’Ħad-Dingli: “Biddlu diversi verżjonijiet”

Accept Analitiċi cookies to view the content.

F’intervista fit-tul mal-ġurnal Ġermaniż Die Welt, missier iż-żagħżugħ Mike Mansholt, li fis-26 ta’ Lulju ta’ sentejn ilu nstab mejjet taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, jagħmel akkużi serji fil-konfront tal-Pulizija Maltija.

Il-missier, Bernd Mansholt, jiddikjara li mhux talli ma sabx kooperazzjoni mill-investigaturi Maltin, anzi dawn biddlu l-verżjoni tagħhom diversi drabi u saħansitra jakkużahom li gidbulu. Jistaqsi jekk dawn hux jaħbu xi ħaġa jew lil xi ħadd.

Il-każ hu deskritt mill-ġurnal Ġermaniż bħala stramb, mimli kontradizzjonijiet u dokumentazzjoni nieqsa. Bernd jiftakar li meta kellem lill-Pulizija, ippruvaw jaħarbu mill-mistoqsijiet tiegħu u jeħilsu minnu.

Il-missier jgħid li rċieva biss ir-rapport sħiħ tal-awtopsja wara sentejn u wara li saru diskussjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Ġermanja. Il-ġurnal Ġermaniż saħansitra jakkuża li r-rapporti tal-Pulizija f’Malta huma mimlija gideb.

Il-missier jitkellem ukoll dwar diversi verżjonijiet li tawh il-Pulizija ta’ Malta. Impjegata ta’ tabib fil-post fejn instab il-katavru, l-ewwel qaltlu li ibnu miet malajr minħabba li sofra ksur f’żewġ partijiet ta’ dahru iżda  l-awtopsja ma sabet l-ebda ksur.

Baqa’ misteru wkoll biex miet iż-żagħżugħ hekk kif l-awtopsja kienet inkonklussiva, u l-misteru mistenni jibqa’ anke għaliex organi vitali tal-ġisem sparixxew.

Dan apparti li l-ġisem ma ġiex ibbalzmat, bil-konsegwenza li wasal il-Ġermanja fi stat ta’ dekompożizzjoni iktar avvanzata.

Filfatt, ġisem Mike wasal il-Ġermanja mingħajr il-qalb, moħħ, organi fl-għonq, pulmun, fwied, frixa, il-glandoli adrenali, il-kliewi, il-bużżieqa tal-awrina, l-istonku u l-musrana ż-żgħira.

Dawn il-fatti u s-susppett tal-awtoritajiet Ġermaniżi li dan ma kienx inċident imma qtil wasslu biex l-awtoritajiet Ġermaniżi jqumulhom diversi dubji, tant li ddeċidew li huma wkoll jagħmlu awtopsja. Minkejja dan, kien diffiċli li joħroġ xi ħaġa minn din l-awtopsja b’diversi organi nieqsa u nuqqas ta’ kollaborazzjoni mill-awtoritajiet Maltin.

Anke dwar l-għibien tal-organi jeżistu diversi kontradizzjonijiet. B’missier Mike l-ewwel jintqallu li l-organi ta’ ibnu ittieklu mill-ġrieden, iżda meta saret awtopsja  mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma nstabx gdim tal-ġrieden.

Affaċċjati b’dan, l-awtoritajiet Maltin dawru l-verżjoni u qalu li l-organi tmermru minħabba li ż-żagħżugħ kien ilu mejjet u ġismu bla ħajja kien f’xemx qalila.

Fid-dawl ta’ dan, il-missier jispekula diversi possibbiltajiet, fosthom ta’ traffikar tal-organi minn Malta, jew li l-awtoritajiet għandhom skop li jaħbu l-verità.

Jiddikjara wkoll li matul dawn is-sentejn għamel minn kollox biex jiskopri l-verità, saħansitra rritorna f’pajjiżna u anke bagħat lill-Prim Ministru Joseph Muscat iżda baqa’ bla tweġiba.

Baqgħu ma nstabux lanqas diversi affarijiet li kellu miegħu Mike, fosthom GoPro li probabbli kienet qed tirrikordja l-aħħar mumenti tiegħu u basket li kien qed iġorr u li fih kien hemm ukoll camera oħra, kif ukoll flus, kappell, charger tal-mobile u l-mobile innifsu.

Sadattant il-każ ingħalaq bħala mhux solvut, kemm mill-awtoritajiet Maltin kif ukoll dawk Ġermaniżi. Bernd Mansholt jgħid li minkejja li ma jirrassenjax ruħu, jaf li diffiċli jsir jaf il-verità iżda l-kuxjenza tiegħu mistrieħa li staqsa kull mistoqsija li kellu jsaqsi, anke jekk baqa’ bla tweġibiet.