Lokali

Il-Belt titlef lil Tessie – l-anzjana allegruża bi storja interessanti

Fl-aħħar jiem il-komunità tal-Belt qamet maħsuda bit-telfa ta’ Tessie, karattru mill-isbaħ magħrufa għal kemm kienet ċajtiera u fuq tagħha.

Iżda ftit jafu li Tessie, li kellha 94 sena u magħrufa għall-allegrija li kienet iġġib kull fejn tkun biċ-ċajt u żfin, għandha wkoll storja interessanti.

Kien fis-snin tmenin li Tessie siefret biex tiltaqa’ mar-raġel tagħha, fiż-żmien fejn il-kanzunetta Olé, Olé kienet qed iżżid il-popolarità tagħha grazzi wkoll għal kompetizzjonijiet kalċistiċi madwar id-dinja.

Ta’ bniedma allegruża li kienet, iddeċidiet li lura lejn Malta ġġib magħha longplay ta’ din il-kanzunetta, fi żmien meta l-mużika kienet tasal lejn Malta ferm wara li ssir it-trend dinjija.

Minn hawn hi bdiet iddoqq din il-kanzunetta f’kull festin li kienet torganizza jew tkun mistiedna għalih biex iġġib il-ferħ fost dawk ta’ madwarha.

Darba fost oħrajn, iddeċidiet li tibgat din il-longplay anke lill-ħabib tagħha Hector Bruno biex dan ikun jista’ jdoqqha, iferraħ lis-semmiegħa tar-radju u terġa’ tismagħha hi wkoll.

Interessanti li kienet din l-inizjattiva ta’ Tessie li wasslet lil Hector Bruno biex jadatta din il-kanzunetta, jibdlilha l-lirika u jadattah fuq l-innu li eventwalment sar popolari waqt il-mass mettings tal-Partit Nazzjonalista: “Olé, Olé Nazzjonalisti.”