Sport Sport Ieħor

Il-FINA twiegħed aktar involviment mill-għawwiema wara d-diskussjoni li qajjem Adam Peaty

L-għawwiem Britanniku Adam Peaty kien fost it-30 għawwiem tal-ogħla livell li sejjaħ għal aktar trasparenza u ħlas ġust mill-FINA hekk kif iltaqgħu biex jiddiskutu dwar il-ħolqien ta’ assoċjazzjoni globali tal-għawwiema. L-atleti lmentaw li l-ħsibijiet tagħhom mhux qed jinstemgħu mill-FINA, li min-naħa tagħha qalet li l-Kumitat il-ġdid tal-Atleti se jeleġġi l-membri li bħalissa qed jikkompetu u li se jkollhom id-dritt tal-vot fil-Kungress Ġenerali.

Il-laqgħa kienet organizzata mill-International Swimming League li hi għaqda li għandha s-sapport tan-negozjant mill-Ukrajna Konstantin Grigorishin. Din l-għaqda qalet li se toffri aktar opporunitajiet għal għawwiema biex jimmassimizzaw il-potenzjal kummerċjali.

Il-FINA iżda qalet li hi b’mod kostanti żiedet il-fondi għar-rebħ għall-atleti fl-avvenimenti tagħha bħall-Kampjonati tad-Dinja kif ukoll it-Tazza tad-Dinja tal-għawm.

L-ogħla assoċjazzjoni tal-isport akwatiku qalet ukoll li se żżid il-fondi għall-iżvilupp biex tgħin għawwiema li jippromettu. L-atleti urew it-tħassib tagħhom li dawk biss li jirbħu t-titli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ftehim ta’ sponsors biex jissapportjaw il-karriera tagħhom. Il-FINA kkjarifikat li mhux se tissospendi għawwiema li jieħdu parti f’avveniment mhux uffiċjali.