Lokali

Il-General Workers’ Union tirreġistra tilwima industrijali mal-LESA

Il-General Workers’ Union ħabbret tilwima industrijali mal-Aġenzija LESA, li hi l-aġenzija li waqqaf il-Gvern biex fost oħrajn timpjega lill-gwardjani lokali.

Fi stqarrija ngħad li l-General Workers’ Union kienet imwegħda li sa tmiem is-sena se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-kontro-proposti dwar il-kundizzjonijiet tal-uffiċjali tal-LESA.

B’mod speċjali, it-talbiet tal-union huma dwar il-gradi u s-salarju bażiku ġdid li l-uffiċjali tal-LESA għandhom jirċievu bħala parti minn ftehim kollettiv ġdid għalihom.

Minkejja dan, skont is-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxilinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi Theo Vella, il-General Workers’ Union s’issa baqgħet bla risposta.

Kien hawn li l-union ma kienx fadlilha għażla oħra ħlief li tirreġistra tilwima industrijali mal-LESA waqt li l-membri tagħha kienu avżati wkoll li jistgħu jissejħu wkoll azzjonijiet industrijali li jaffettwaw lill-uffiċjali tal-LESA.

Din mhix l-ewwel darba li l-General Workers’ Union irreġistrat tilwima industrijali relatata mas-settur tal-gwardjani lokali.

Fl-2016, l-istess union kienet kostretta twissi mill-ġdid bil-possibbiltà ta’ azzjonijiet industrijali wara tilwima fuq ħinijiet tax-xogħol ġodda u fallew it-taħdidiet dwar pagi għall-ħaddiema involuti.

Din l-aħħar tilwima industrijali filfatt ilha ġejja sa minn dan iż-żmien, tant li fl-2016 ukoll il-General Workers’ Union kienet ħabbret li kien ilha xhur tiddiskuti bit-tama li jintlaħaq ftehim dwar pagi u kundizzjonijiet aħjar, bl-iskop li l-paga tal-gwardjani Lokali ma tkunx inqas minn dik stabbilita għall-ħaddiema fis-settur tas-sigurtà.

Minkejja dan, fl-2016 il-General Workers’ Union kienet ħabbret li din it-talba ma kinitx milqugħa la mill-kumpanija u lanqas mill-LESA li llum hija l-awtorità nazzjonali li tirregola l-operat tal-Gwardjani Lokali.