Internazzjonali

Il-President Trump se jirtira eluf ta’ suldati Amerikani mill-Afganistan

Il-Gvern tal-President Amerikan Donald Trump qed jaħseb biex jirtira eluf ta’ truppi mill-Afganistan, bir-rapporti jsostnu li madwar 7,000 suldat ‘jistgħu jirritornaw pajjiżhom fi kwistjoni ta’ xhur’.

Is-7,000 suldat jammontaw għal ‘nofs il-preżenza militari tal-Amerikani’ fl-Afganistan, u l-aħħar rapporti jsegwu l-aħbar mingħand il-President Trump dwar l-irtirar militari ( tal-Amerikani) mis-Sirja.

Fl-aħħar jiem ħarġu rapporti dwar tnaqqis sostanzjali fost il-qawwiet tal-Istati Uniti u li ma kenux ikkonfermati mill-uffiċjali tad-difiża Amerikani.

L-analisti wissew, intant, li irtirar ‘hekk drastiku’ tal-militar Amerikan mill-Afganistan jista’ iħalli impatt ‘devastanti’ waqt li jservi bħala ‘trijonf ta’ propaganda’ għall-militanti Iżlamiċi tat-Taliban f’dak il-pajjiż.Dan meta l-moviment tat-Taliban, li qed iwettaq attakki regolari kontra l-Gvern u miri militari, għadu attiv f’diversi bnadi tal-Afganistan.

L-Istati Uniti ilha bi preżenza militari fl-Afganistan mill-2001, wara l-attakki terroristiċi storiċi tal-grupp Al-Qaeda fuq l-ibliet prinċipali Amerikani. Din hi l-itwal gwerra fl-istorja tal-Istati Uniti u li swiet il-ħajja ta’ aktar minn 2,300 Amerikan.