Atletika Sport

Is-sitt darbiet rebbieħa Olimpika Allyson Felix twelled tmien ġimgħat qabel iż-żmien

Is-sitt darbiet rebbieħa Olimpika Allyson Felix żvelat li welldet lit-tifla tagħha x-xahar l-ieħor tmien ġimgħat qabel iż-żmien. L-Amerikana ma kinitx ħabbret pubblikament li kienet tqila. It-tifla tagħha Camryn twieldet fit-28 ta’ Novembru u għadha fil-kura intensiva iżda Felix qalet li tinsab tajba. Felix li għandha 33 sena stqarret li kull ġurnata li tgħaddi t-tifla ssir aktar b’saħħitha u isbaħ.

Felix li rebħet il-midalja tad-deheb fil-200 metru fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 u ħames midalji tad-deheb fir-relay, qalet li kkompetiet darbtejn f’Ġunju fl-400 metru f’51 u 52 sekonda filwaqt li kienet tmien u disa’ ġimgħat tqila rispettivament.

Hi qalet li jekk iżżomm l-aħbar għaliha u baqgħet titħarreġ iebes setgħet tirbaħ it-tiġrijiet. Hi għamlet referenza għal Serena Willias li fl-istadju bikri tat-tqala rebħet l-Open tal-Awstralja. “Li jkollok wild ħassejt li nkun qed inpoġġi l-karriera f’riskju u niddiżappunta lil kulħadd li stenna li npoġġi l-ġiri l-ewwel.”

Felix kellha pjan li tiżvela li hi tqila sakemm f’eżami mediku li għamlet il-qalb tat-tarbija bdiet tnaqqas, b’Camryn titwieled fis-sezzjoni Ċ tal-emerġenza.

L-atleta Amerikana rebħet disa’ midalji Olimpiċi b’kollox, l-aktar atleta femminili tat-track and field flimkien ma’ Merlene Ottey. Hi għandha l-ħsieb li tikkompeti fil-ħames Olimpjadi tagħha f’Tokyo fl-2020.