Lokali

Isir l-għadd tal-muniti tal-Kampanja ‘Piggy Bank’ għall-Istrina

Matul il-ġurnata tal-Ġimgħa tkomplew it-tħejjijiet għall-Istrina. Dan hekk kif fil-Head Office tal-Bank of Valletta f’Santa Venera bdew il-proċess tal-għadd tal-muniti li nġabru mill-Kampanja tal-Piggy Bank.

Il-proċess qed isir minn diversi voluntiera tal-Istrina kif ukoll minn ħaddiema tal-BOV li qegħdin jgħoddu l-eluf ta’ muniti li nġabru. Dawn inġabru kollha minn skejjel primarji u sekondarji Maltin u Għawdxin.

Preżenti kien hemm ir-raġel tal-President ta’ Malta, Edgar Preca li assista għal dan il-proċess filwaqt li faħħar ix-xogħol li qed isir.

Net News tkellem miegħu fejn qalilna dwar il-preparazzjonijiet li qed isiru għall-għada tal-Milied.

Wara l-proċess tal-għadd tal-muniti, Edgar Preca ppreżenta ktieb ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ lil BOV, ktieb li l-qligħ kollu sejjer għall-Community Chestfund.

Net News tkellem ukoll mal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-BOV, Mario Mallia dwar l-Istrina.

Edgar Preca għadda messaġġ biex tingħata għajnuna lil Malta Community Chestfund hekk kif hemm bżonn eluf ta’ ewro għal dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

Is-somma finali miġbura minn din il-kampanja se tkun qed tiġi preżentata lil President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca fis-26 ta’ Diċembru.