It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena tela’ fi Grupp A tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Dan il-grupp se jintlagħab f’pajjiżna bejn it-30 ta’ April u t-3 ta’ Mejju.
L-ewwel żewġ timijiet minn kull grupp jingħaqdu ma’ Montenegro, Spanja, l-Ungerija, ir-Russja, is-Serbja, l-Italja u l-Kroazja li diġà kkwalifikaw għall-fażi finali flimkien ma’ Georgia li se jorganizzaw il-Kampjonat Ewropew bejn il-11 u t-18 ta’ Awwissu.
Il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo wera l-kuntentizza b’din il-polza, fejn saħaq li dan hu grupp li t-tim Malti jista’ jikkwalifika iżda wissa li jridu jaħdmu iebes. “Għandna l-vantaġġ li se jintlagħab f’Malta iżda qabel it-tournament irridu nilagħbu logħbiet kontra avversarji b’saħħithom biex inkunu preparati,” qal Izzo.
It-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena tela’ fil-polza kontra nazzjonijiet b’saħħithom tal-Italja u l-Greċja hekk kif iż-żgħażagħ Maltin se jilagħbu fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-ewwel edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew f’din il-kategorija. Il-grupp li fih telgħu Malta se jintlagħab fis-Slovenja bejn it-28 u l-31 ta’ Marzu.
L-ewwel erba’ timijiet minn Gruppi A, B u Ċ flimkien mal-ewwel tliet timijiet u l-ospitanti l-Bulgarija minn Grupp D se jikkwalifikaw għall-fażi finali li se ssir f’Burgas il-Bulgarija bejn il-21 u t-28 ta’ Lulju.
Il-kowċ nazzjonali Anthony Farrugia qal li mhux grupp faċli iżda seta’ kien agħar. “Fit-tliet xhur li ġejjin se nitħarrġu iebes biex inkunu preparati bl-aħjar mod għal dan it-tournament.” Farrugia jemmen fit-tim u jinsab ċert li se jagħmlu lil Malta kburija.
Il-gruppi kollha ta’ taħt is-17-il sena
Grupp A – Malta, Greċja, Żvizzera, Repubblika Ċeka, Polonja
Grupp B – Gran Britannja, Franza, Slovakkja, Iżrael
Grupp Ċ – Portugall, Rumanija, Ġermanja, Slovenja, Belarus
Grupp D – Turkija, Ukrajna, Olanda, Moldova, Bulgarija
Il-gruppi kollha ta’ taħt il-15-il sena
Grupp A – Franza, Kroazja, Spanja, Olanda, Belarus
Grupp B – Slovenja, Italja, Greċja, Rumanija, Ukrajna, Malta
Grupp Ċ – Montenegro, Ungerjia, Russja, Turkija, Moldova
Grupp D – Georgia, Serbja, Bulgarija, Slovakkja, Litwanja, Ażerbajġan
//= $special ?>