Futbol Sport

Iż-żgħażagħ Maltin tal-Għawm Sinkronizzat itemmu darbtejn fit-tielet post fl-Open tal-Ukrajna

Tim ta’ ħames għawwiema Maltin tal-għawm sinkronizzat irnexxielhom jispiċċaw fit-tielet post fis-sitt edizzjoni tal-Open internazzjonali tal-Ukrajna li sar f’Kharkiv ftit tal-ġranet ilu.

Riżultat pozittiv minn Alessia Cardona Taliana li fil-kompetizzjoni temmet fit-tielet post fil-kategorija Solo Free u meritatament rebħet il-midalja tal-bronż . Fid-duet Cardona Taliana flimkien ma’ Ingrid Djincharadze spiċċaw ukoll fit-tielet pożizzjoni bi skor ta’ 64.1 punt li hu wkoll l-aħjar riżultat personali.

Ana Culic u Vanessa Mairangas li t-tnejn għad għandhom 15-il sena għamlu koreografija fil-kategorija Duet Free. Din kienet l-ewwel darba li huma pparteċipaw u kisbu riżultat ta’ 63.5 punt. Dan ir-riżultat kien fil-pjan li jipparteċipaw għall-Kampjonat Ewropew tal-Juniors f’San Pietroburgu aktar tard f’dan l-istaġun.

F’din il-kompetizzjoni apparti Malta ħadu sehem ukoll l-Ukrajna, il-Polonja, l-Iżvizzera, u bosta timijiet minn diversi reġjuni tal-Ukrajna. Din kienet l-ewwel darba li parteċipanti tal-għawm sinkronizzat Maltin rebħu midalji waqt kompetizzjoni uffiċjali tal-federazzjoni internazzjonali tal-għawm FINA. It-tim Malti kien akkumpanjat minn Albertina Onsea u minn Loredana Cassone.