L-ajruport ta’Gatwick, it-tieni l-aktar attiv fir-Renju Unit, reġa’ fetaħ wara attività bid-drones wasslet biex jitħassru numru kbir ta’ titjiriet għal aktar minn jum.
Il-kelliema qalu li mat-837 titjira kienu ‘fl-iskeda’ iżda kien hemm ukoll każi fejn uħud minnhom waqgħu lura u anki sfaw ikkanċellati. Waqt li tħassru total ta’ 155 titjira, is-sorsi f’Gatwick qalu li t-837 titjiriet ippjanati għallum kien se jkollhom aktar minn 130,000 persuna abbord. Chris Woodroofe, il-Kap tas-Sigurtà għal Gatwick, qal li hu fetaħ l-ajruport mill-ġdid għaliex ħassu konvint ‘mill-miżuri addizzjonali’ li ttieħdu mill-Gvern u l-militar.
Sadanittant, il-persuna li fl-aħħar sigħat kienet qed ittajjar id-drones minn fuq il-mitjar ta’ Gatwick baqgħet ma nqabditx u l-pulizija jemmnu li s-sitwazzjoni hi dovuta għall-aġir ta’ ‘eco warrior’ jew attivista favur l-ambjent.
Filwaqt li s-servizzi minn Gatwick mistennija jirritornaw għan-normal għada, eluf ta’ passiġġieri għadhom jistennew ‘għal aħbar pożittiva’ dwar is-sitwazzjoni. Dan meta l-ajruport ma jistax iħaddem is-servizzi fil-ħinijiet meta d-drones ikunu fl-ajru f’każ li dawn jaħbtu ma’ xi ajruplan bil-konsegwenzi diżastrużi.
L-awtoritajiet, issa, stallaw tagħmir għal tracking mal-mitjar ta’ Gatwick u l-ajruport ‘kellu jagħlaq mill-ġdid f’każ li d-drones kellhom jerġgħu jfeġġu’.
Chris Woodroofe ikkonferma l-ħidma intensiva biex l-iskeda tat-titjiriet tiffunzjona bħas-soltu fost tamiet li, għada, is-sitwazzjoni tkun waħda normali għall-passiġġieri ‘biex huma jkunu jistgħu jgawdu l-btajjel tal-Milied’.
Fl-aħħar sigħat, l-istaff ta’ Gatwick kienu qed javżaw lill-passiġġieri biex jevalwaw eżatt id-dettalji tat-titjiriet tagħhom qabel imorru l-ajruport.
Il-Pulizija ta’ Sussex qalu li kienu qed jistinkaw biex jaqbdu lill-persuna responsabbli mid-drones, wara li fallew l-isforzi inizjali biex jindirizzaw il-problema. Kien hemm anki żmien fejn l-awtoritajiet kienu qed jikkunsidraw li jiftħu n-nar fuq wieħed mid-drones biex iwaqqgħuh, bil-Pulizija tisħaq li ‘ma kien hemm l-ebda provi li l-użu tad-drones jista’ qed ikun sponsorjat minn xi Stat f’azzjoni ostili’.
//= $special ?>

