Il-Kostituzzjoni tagħna baqgħet marbuta ma’ ambjent kolonjali qawwi fejn il-poter fil-pajjiż hu konċentrat f’idejn il-Prim Ministru, li qabel kien il-Gvernatur Ġenerali.
F’messaġġ qasir waqt laqgħa mal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia bħala parti mill-iskambju ta’ awguri għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna qal li ż-żmien kolonjali ilu li għadda u hemm bżonn qawwi li din il-konċentrazzjoni ta’ poter tiġi riveduta.
Min-naħa l-oħra, l-Arċisqof tenna li l-aspetti tal-Kostituzzjoni li jiggarantixxu u jsaħħu d-drittijiet fondamentali tal-bniedem għandhom jiġu salvagwardjati. Kompli li filwaqt li l-Parlament għandu rwol qawwi fi kwalunkwè riforma, l-Ariċisqof iħoss li l-Knisja għandha rwol f’dan id-dibattitu, li hu fondamentali għall-ġid komuni.
L-Arċisqof kompla billi jawgura li l-Parlament jibqa’ forum ta’ dibattitu li jkun rispettuż kemm lejn Alla kif ukoll lejn il-proxxmu. Hu ssuġġerixxa li ‘l quddiem, ikun hemm il-possibilita’ ta’ vot sigriet fuq ċertu kwistjonijiet fejn il-kuxjenza tal-bniedem għandu jkollha l-primat assolut u li l-vot ma jkunx marbut mal-whips.
Madanakollu, Mons Scicluna nnota li kultant, l-Eżekuttiv – il-Gvern tal-ġurnata – juża tattiċi li ma jirrispettawx l-awtonomija tal-Parlament. Mhux aċċettabbli li l-Parlament jirċievi kuntratti li jkun daħal għalihom l-Eżekuttiv li jkunu mmarkati nofshom bl-iswed. Din mhix dinjita’, la lejn il-Parlament u lanqas lejn il-poplu Malti, sostna l-Arċisqof.
Sadanittant, waqt l-iskambju tal-Awguri mal-Prim Ministru, l-Arċisqof qal li l-Knisja lesta li tidħol f’diskussjonijiet u kollaborazzjoni mal-Gvern sabiex tinħoloq struttura ta’ appoġġ għal nisa li qed isibuha diffiċli li jkomplu bit-tqala tagħhom.
Dan sabiex il-valur tal-ħajja jibqa’ mħares u n-nisa involuti ma jibqgħux iħossu li huma waħedhom. Tenna li l-Knisja trid tippromwovi l-valur tal-ħajja, mhux billi tikkundanna imma billi tgħin lil persuni li jsibu diffikultajiet biex iġorru din ir-responsabbilta’.
//= $special ?>
