James Mattis ħabbar ir-riżenja tiegħu bħala Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti biex b’hekk ingħaqad ma’ numru ta’ uffiċjali Amerikani li ħadu dan il-pass fl-aħħar xhur.
L-indikazzjonijiet huma li Mattis jopponi bil-qawwi għall-politika tal-President Amerikan Donald Trump rigward l-irtirar tat-truppi mis-Sirja, bl-eks-Segretarju, fl-ittra tar-riżenja, jindika wkoll id-‘differenzi politiċi’ bejnu u Trump.
Mattis, fil-fatt, qal li l-President Amerikan ‘għandu d-dritt li jaħtar xi ħadd ( bħala Segretarju tad-Difiża) li l-fehmiet politiċi tiegħu jkunu jxaqilbu lejn tiegħu’.
Il-Ġeneral Mattis, li għandu 68 sena, għandu jħalli l-kariga fi Frar li ġej u l-membri fuq iż-żewġ naħat ( Repubblikani u Demokratiċi) tal-Kungress Amerikan, ilbieraħ, irreaġew b’xokk għall-aħbar tar-riżenja.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump ma deherx lest li jħabbar ‘immedjatament’ is-suċċessur ta’ Mattis iżda qal li għandu jinħatar ‘dalwaqt’ Segretarju tad-Difiża ġdid.
//= $special ?>

