Liverpool assiguraw li jqattgħu l-Milied fil-quċċata meta għelbu lil Wolves 2-0 fil-Molineux Stadium. Rebħa li kienet diffiċli għat-tim minn Merseyside, hekk kif Wolves offrew sfida denja u għal diversi drabi pruvaw jattakkaw il-lasta avversarja.
Iżda d-difiża ta’ Liverpool kienet solida biex anki jekk f’xi każijiet b’diffikultà, ħelsuha ħafif, bl-Olandiż Virgil van Dijk ikun pilastru fil-qalba tad-difiża. Dan minbarra li rnexxielu jiskorja wkoll.
Fl-aħħar tmien staġuni minn disgħa, it-tim li kien fil-quċċata fil-Milied spiċċa rebaħ il-Premier League, bl-eċċezzjoni jkunu proprju Liverpool. Wolves kienu ġejjin mill-aħjar forma tagħhom fl-ogħla diviżjoni mill-1980 meta rebħu l-aħħar tliet konfronti.
Liverpool fetħu l-iskor wara 18-il minuta meta Sadio Mane qassam lejn Fabinho li kkrossja fil-baxx mil-lemin għan-nofs lejn Mohamed Salah li bin-naħa ta’ barra ta’ siequ x-xellugija għeleb lil Rui Patricio.
Aktar ma għadda l-ħin, Wolves bdew ikunu ta’ periklu għal Liverpool u fil-kumplament tal-ewwel taqsima kellhom diversi okkażjonijiet li iżda ma kinux biżżejjed biex għelbu lil Alisson Becker. Fit-tieni taqsima, Wolves pruvaw iżommu l-istess ritmu, b’Liverpool jikkontrollaw aħjar.
It-tim ta’ Klopp irdoppja fit-68 minuta bi kross mil-lemin fil-kaxxa ta’ Mohamed Salah, b’Virgil van Dijk imattar siequ biex għeleb lil Rui Patricio u skorja l-ewwel gowl tiegħu f’dan l-istaġun.
//= $special ?>