Sport Sport Ieħor

Se jkun introdott it-tie-break fis-set deċiżiv fl-Open tal-Awstralja

L-Open tal-Awstralja ngħaqad ma’ Wimbledon hekk kif mill-edizzjoni li jmiss se jkunu qed jintroduċu t-tie-break fis-set finali wara konsultazzjoni estensiva. Skont ir-regoli l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ fit-tournament ta’ bejn l-14 u s-27 ta’ Jannar, il-logħbiet li jkunu 6-6 fl-aħħar set se jmorru f’tie-break u l-ewwel tennist li jilħaq l-10 punti b’differenza ta’ żewġ punti, jirbaħ il-konfront.

“Aħna staqsejna lit-tennisti kemm tal-passat u tal-preżent, kummentaturi, aġenti u analisti jekk jippreferux jilagħbu l-aħħar set bil-vantaġġ jew le?,” qal id-direttur tat-tournament Craig Tiley.

F’Ottubru ġie deċiż li fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla ta’ Wimbledon, se jkun hemm tie-break meta l-iskor jasal sa 12-12 fl-aħħar set tal-logħbiet kollha. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li fis-semifinali ta’ din is-sena John Isner u Kevin Anderson dawru l-aħħar set f’maratona hekk kif dam kważi tliet sigħat, b’Anderson jirbaħ 26-24.

“Aħna morna b’10 punti fit-tie-break meta l-iskor ikun 6-6 fl-aħħar set biex nassiguraw li l-partitarji xorta jkollhom finali speċjali għal dawn il-logħbiet,” kompla Tiley. Din id-deċiżjoni tal-Open tal-Awstralja jfisser li issa l-erba’ Grand Slams kollha għandhom mod differenti kif jiddeċiedu l-aħħar set.

L-Open tal-Istati Uniti juża t-tie-break tradizzjonali anki fis-set deċiżiv, bl-ewwel tennist li jilħaq seba’ punti b’differenza ta’ tnejn ikun ddikjarat rebbieħ. L-Open ta’ Franza ma jkollux tie-breaks fis-set deċiżiv, bil-logħbiet ikomplu sakemm tennist jassigura vantaġġ doppju.

Tags