Dimostranti favur l-indipendenza ta’ Katalonja organizzaw il-protesti waqt li għalqu t-toroq fi bnadi tar-reġjun. Dan waqt li Ministri tal-Gvern Spanjol kienu qed jiltaqgħu għal sessjoni tal-Kabinett fil-belt ta’ Barċellona.
Id-deċiżjoni biex il-laqgħa għall-Ministri ssir f’Barċellona kienet intiża biex tonqos it-tensjoni, xhur wara li l-Mexxejja Katalani ntefgħu l-ħabs għall-isforzi tagħhom biex jisseparaw il-Katalonja mill-bqija ta’ Spanja.
Fil-fatt, il-laqgħa għall-Kabinett seħħet eżattament sena wara li l-Gvern Spanjol preċedenti organizza l-elezzjonijiet bikrija f’Katalonja u bħala pass meqjus bħala provokattiv mill-gruppi favur l-indipendenza.
Għalkemm il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez u l-Mexxej Katalan, Quim Torra, qablu, issa, dwar ‘djalogu effettiv’ ilbieraħ kellu jkun jum iddedikat lill-protesti ‘kontra Madrid’ fit-toroq ta’ Barċellona u bnadi oħra ta’ Katalonja.
Id-dimostranti mblukkaw ‘il fuq minn 20 triq madwar Katalonja fost numru ta’ inċidenti — bil-pulizija tkaxkar ‘il hinn lin-nies li kienu ntefgħu bil-qiegħda f’nofs ta’ triq. Intant, id-dimostranti fiċ-ċentru ta’ Barċellona garaw l-oġġetti lejn il-pulizija li kienu qed iżarmaw barrikata li ttellgħet fi triq prinċipali.
Waqt il-protesti, li kienu koordinati mill-grupp radikali ‘Kumitati għad-Difiża tar-Repubblika’, saru wkoll numru ta’ arresti.
//= $special ?>

