Lokali

Tfajla tweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar

pulizija

Tfajla ta’ 20 sena residenti f’San Pawl il-Baħar weġġgħet gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku kmieni dalgħodu fin-Naxxar.

Stqarrija tal-Pulizija tgħid illi l-inċident seħħ għall-ħabta tas-1a.m. fi Vjal il-Labour meta għal xi raġuni, vettura tat-tip Mazda Demio misjupa minn raġel ta’ 39 sena, ħabtet ma’ karozza tat-tip Alfa Romeo li kienet ipparkjata fl-istess triq.

It-tfajla kienet passiġġiera fil-vettura. Fuq il-post kellhom jissejjħu żewġ ambulanzi kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-vittmi. Huma ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard kienu ċertifikati li t-tfajla kienet qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li s-sewwieq sofra ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.