Lokali

Imbassar temp sabiħ għall-Milied

Aħbarijiet tajbin marbuta mat-tbassir tat-temp għal tul il-ġranet tal-Milied, u dan b’kuntrast għal dak li hu mistenni fil-kumplament tal-Ewropa.

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tbassar li tul dan tmiem il-ġimgħa għandna nistennew temperatura kemmxejn għola minn dak li ssoltu jkun mistenni f’dan iż-żmien tas-sena. Fil-fatt it-temperatura mistennija tilħaq it-18-il grad Celcius. L-għola temperatura qatt reġistrata f’dan iż-żmien tas-sena kienet 23.6 grad Celcius fl-2009.

Dan kollu jawgura tajjeb speċjalment għal dawk li għad baqagħlhom xi xiri tal-Milied xi jlestu kif ukoll b’mod partikolari għal min qed jorganizza attivitajiet fuq barra. Tajjeb li nsemmu ukoll li lanqas temperatura dal-jumejn mistennija tinżel disa’ gradi. L-aktar Milied kiesaħ sa issa kien dak tal-1986 meta t-temperatura niżlet għal 3.7 gradi celcius.

Ir-riħ nhar il-Milied mistenni jkun moderat għal qawwi, li iżda jsir ħafif mit-tramuntana nhar l-Erbgħa, l-għada tal-Milied.