Lokali

Satabank: klijenti ġenwini għadhom fil-għama

Minkejja li pubblikament l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji qalet li l-klijenti ta’ Satabank ġew ikkuntattjati dwar l-aċċess għall-flus tagħhom, fir-realta’ ħafna individwi u negozji għadhom fil-għama għaliex ħadd ma’ għamel kuntatt magħhom.

Fi stqarrija, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono qalet li dawn is-sidien qed ikunu frustrati u qed isofru minn inġustizzja.

Ma kull ġurnata li tgħaddi, dawn il-klijenti ta’ Satabank qed isofru dannu kbir għan-negozji tagħhom u għall-abbiltà tagħhom li jħallsu lill-ħaddiema u lill-klijenti tagħhom, b’ ammonti sostanzjali ta’ flus imsakkrin f’dan il-bank bla ma l-awtoritajiet tawhom xi ħjiel dwar meta jista’ jkollhom aċċess għal flushom.

L-istqarrija tfakkar li dawn in-negozji huma businesses leġittimi li investew f’Malta bl-inċentivi li ngħataw fil-passat u jixtiequ jkomplu jinvestu f’Malta ladarba qegħdin hawn imma qed iħossuhom ostaġġi ta’ sitwazzjoni li l-awtoritajiet mhumiex jimmaniġġjaw tajjeb.

Dawn in-negozji spiċċaw jissieltu biex ikollhom servizz essenzjali, bħal dak bankarju.

L-istqarrija tkompli li fid-dawl ta’ dawn il-fatti rappurtati wkoll fil-midja, huwa evidenti li l-assigurazzjoni li ngħatat mill-MFSA dwar il-kriżi ta’ Satabank ma tistax tittieħed bis-serjetà u mhijiex kredibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-ħafna klijenti ġenwini ta’ Satabank jingħatalhom aċċess għad-depożiti li għandhom mal-bank u jingħataw ukoll kumpens għad-danni li sofrew f’din il-kriżi.