Lokali

Skambju ta’ awguri mal-pubbliku fid-Dar Ċentrali

Matul is-Sibt filgħodu, id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku li ġie bi ħġaru biex jagħti l-iskambju tal-Awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kif ukoll il-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

Minbarra l-membri tal-pubbliku, ġew biex jagħtu l-awguri tagħhom delegazzjonijiet minn diversi trade unions fosthom il-UĦM Voice of the Workers immexxija mill-Kap Eżekuttiv Josef Vella, il-General Workers Union immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija immexxija mis-Segretarju Ġenerali Martin Balzan kif ukoll il-President tal-Police Officers Union Sandro Camilleri u s-Segretarju Ġenerali tal-Malta Police Association, Marlon Hili.

Kien hemm delegazzjonijiet mill-Korpi Kostitwiti bħall Assoċjazzjoni Maltija tal-lukandi u Ristoranti magħmula mill-President Tony Zahra u l-Kap Eżekuttiv Andrew Agius Muscat, il-President tal-GRTU Paul Abela u Philip Fenech mit-taqsima tat-turiżmu u divertiment u l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti.

Taw ukoll l-awguri tagħhom L-Ewroparlamentari David Casa u Francis Zammit Dimech kif ukoll il-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Mejju li ġej Peter Agius, Dione Borg, Michael Briguglio u Frank Psaila.

Preżenti wkoll biex jagħtu l-awguri tagħhom kien hemm diversi kumitati u attivisti tal-Partit Nazzjonalista, eks Deputati kif ukoll kandidat u membri tal-Kumitat fil-Fergħat tal-Partit Nazzjonalista.