Żgur li ħafna f’dawn il-jiem ikunu għaddejin fl-aqwa tagħhom bil-preparamenti għall-ikla tal-Milied. Fil-Kurja tal-Arċisqof ukoll fi tmiem din il-ġimgħa numru ta’ voluntiera mill-Caritas Malta jinsabu impenjati biex nhar il-Milied jilqgħu għall-ikel lil dawk fostna li jinsabu weħidhom minħabba ċirkustanzi differenti. Din hija r-raba’ sena li se tkun organizzata din l-ikla, bl-appoġġ sħiħ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna. F’kummenti li ta lil Net News, l-Arċisqof Scicluna qal li nhar it-Tlieta, il-kuriduri tal-Kurja se jinbidlu f’sala tal-pranzu li se tilqa’ fiha lil min ma jridx li jħossu waħdu fil-Milied. L-Arċisqof sejjaħ din l-inizjattiva minn naħa tal-Caritas bħala turija oħra ta’ solidarjeta’ u spjega kif permezz ta’ din l-ikla, l-Caritas Malta tiltaqa’ ma’ individwi u familji li jeħtieġu l-għajnuna.
Għal sena oħra l-ikel se jkun ipprovdut mill-fondazzjoni Alfred Mizzi u t-tisjir isir kollu mill-koki fir-ristoranti tal-istess fondazzjoni. Barra minn hekk hemm diversi kumpaniji oħra li se joffru prodotti b’donazzjoni. Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega kif l-invit għal din l-ikla hu estiż għal dawk kollha li jħossuhom weħidhom, irrispettivament mill-istat finanzjarju tagħhom. Fil-fatt jirriżulta li għalkemm il-maġġor parti ta’ dawk li jattendu jkunu anzjani, f’dawn l-aħħar snin kien hemm ukoll żieda fin-numru ta’ persuni separati, single mothers kif ukoll żgħażagħ li ċ-ċirkustanzi wassluhom biex ikunu weħidhom. Anthony Gatt semma kif Caritas Malta qed tkun avviċinata saħansitra minn żgħażagħ li qed jispiċċaw mingħajr ħbieb kawża tal-vizzju tal-logħob diġitali.
Waqt l-ikla ta’ nhar it-Tlieta, li tibda f’nofs in-nhar fil-Kurja tal-Arċisqof, se jkun hemm divertiment ipprovdut mill-grupp X-Tend. Barra minn hekk ukoll, Caritas Malta, wara li tgħaddi l-ikla, tibqa’ ssegwi l-każijiet individwali ħalli s-solidarjeta’ murija nhar il-Milied, titkompla tul is-sena kollha.
//= $special ?>