Lokali

VOX POP: Fiex waslu l-Maltin fix-xiri tar-rigali?

Ninsabu fl-aħħar tmiem il-ġimgħa qabel il-festa tal-Milied, tmiem il-ġimgħa sinonimu mal-aħħar ġirja għar-rigali kif ukoll max-xiri marbuta mal-preparamenti għall-ikliet u l-festini tal-Milied.

It-temp sabiħ ta’ dawn il-jiem jgħin aktar biex in-nies tmur fiż-żoni u fl-istabbilimenti kummerċjali ta’ pajjiżna u tixtri l-aħħar bżonnijiet u rigali, dejjem bit-tama li min ser jirċievi dan ir-rigal se jogħġbu, għalkemm kif dejjem ngħidu, l-aqwa l-ħsieb.

Kull Milied iġib miegħu rigali ġodda, rigali li jkunu moda fil-perjodu partikolari. Sa minn ġimgħat, jekk mhux xhur, qabel il-Milied, nibdew naraw riklami ta’ prodotti partikolari aktar spiss minn ta’ oħrajn, u b’hekk ħafna jitħajru li jakkwistaw jew li jaqilgħu l-aktar oġġett popolari.

Net News żar it-toroq ta’ Tas-Sliema fejn staqsa lin-nies fhiex waslu fir-rigward tax-xiri u x’inhuma r-rigali li jaħsbu se jkunu l-aktar popolari din is-sena.

Għalkemm illum nistgħu ngħidu li l-maġġor parti tat-tfal għandhom kollox, xorta waħda l-maġija tal-għodwa tal-Milied, u t-tbissima fuq l-uċuh tat-tfal hekk kif isibu r-rigali hija esperjenza li għalkemm isseħħ kull sena, xorta ġġib magħha ferħ u emozzjoni unika. Nawguraw  li aħna l-adulti ukoll nesperjenzaw dawn l-istess emozzjonijiet fil-Milied flimkien ma’ dawk għeżież għalina.

Tags