Is-servizz ta’ emerġenza għall-vittmi tal-vjolenza domestika f’pajjiżna jirċievi medja ta’ tlieta rapporti f’kull lejl.
Dawn iċ-ċifri inkwetanti jikkonfermaw dak li fl-aħħar jiem kienu kkwotati mill-Fondazzjoni tas-Social Workers. Fi stqarrija, il-Fondazzjoni nnutat li jekk wieħed iqis ukoll il-każi ta’ matul il-ġurnata li jaslu għandha jew għand għaqdiet mhux governattivi oħra, il-każi ġodda jitilgħu għal medja ta’ ħamsa jew sitta kuljum.
Dawn iċ-ċifri kienu kkonfermati wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, Alfred Grixti.
Waqt li jinnota li mhux kull rapport iwassal biex il-vittma tinħareġ mid-dar, innota li dan hu grazzi wkoll għal għarfien ikbar li jeżisti dwar l-abbuż domestiku.
Kif tispjega Elaine Pavia, minn Dar Merħba Bik li toffri rifuġju għall-familji vittmi tal-vjolenza domestika, ħadd mhu immun minn abbuż simili.
F’pajjiżna għandna d-Domestic Violence Unit li hi ffurmata minn professjonisti mħarrġa biex jassistu lil vittmi ta’ vjolenza domestika waqt li Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan u x-shelter ta’ emerġenza f’Dar Għabex f’Għawdex jilqgħu lill-vittmi u jassistuhom biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Fix-xhur li ġejjin mistennija tiftaħ ukoll Dar Santa Bakita, f’Ħal Balzan, immexxija mis-Sorijiet tal-Bon Pastur u li għandha l-għan li tħarreġ lill-familji vittmi tal-vjolenza domestika jkunu iktar indipendenti qabel jerġgħu lura fis-soċjetà.
//= $special ?>
